Sena u nofs wara li nħatar bħala Prim Ministru mhux elett tal-Italja, Mario Draghi irriżenja mill-kariga wara li tliet partiti fil-gvern ta’ koalizzjoni li kien imexxi rrifjutaw li jappoġġjawh f’vot ta’ fiduċja.
Mario Draghi, li għandu 74 sena, huwa figura popolari fl-Italja u qabel ingħata l-inkargu ta’ Prim Ministru kien imexxi l-Bank Ċentrali Ewropew. Huwa kien ġie msejjaħ Super Mario għall-mod kif kien irnexxielu jimmaniġġja l-kriżi taż-żona ewro bħala kap tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Fi Frar tas-sena li għaddiet, huwa ngħata l-kompitu li jiggwida lill-Italja fil-pandemija tal-Covid u l-irkupru ekonomiku, imsaħħaħ minn pakkett kbir tal-UE bil-kundizzjoni li jwettaq riformi kbar.
Ftit jiem ilu Draghi tefa’ r-riżenja tiegħu meta wieħed mill-partiti fil-gvern ta’ koalizzjoni rrifjuta li jappoġġa l-pakkett ekonomiku tiegħu u wassal għal kriżi politika.
Il-President Mattarella ma kienx laqa r-riżenja ta’ Draghi u talbu jibqa’ fil-kariga. Nhar l-Erbgħa li għadda Draghi qal lill-parlament li kien lest li jkompli jmexxi jekk il-partiti politiċi jappoġġaw gvern b’saħħtu u koeżiv b’“patt ġdid ta’ fiduċja”. Tlieta mill-partiti iżda ddikjaraw li ma kinux se jappoġġjawh f’vot ta’ fiduċja.
Qabel telaq lejn il-palazz presidenzjali, il-Quirinale, lbieraħ filgħodu, Mario Draghi indirizza lill-parlament fejn ngħata applaws wara li ringrazzja lil kulħadd tax-xogħol kollu li sar f’dan il-perjodu Parlamentari.
Mat-tħabbira tar-riżenja ta’ Draghi, il-Borża ta’ Milan niżlet 2% oħra lbieraħ wara li kienet diġa waqgħet il-ġurnata ta’ qabel ukoll.
Il-President Mattarella qal li l-gvern se jibqa’ fil-kariga biex jieħu ħsieb l-affarijiet kurrenti, iżda naqas milli jgħid eżatt x’se jiġri wara. L-elezzjonijiet kellhom isiru fl-ewwel nofs tal-2023 iżda wara li nħolqot din il-kriżi x’aktarx li jitressqu ‘l quddiem għal Ottubru.
Il-partiti li se jibbenefikaw l-aktar mill-kriżi politika jinkludu l-Lega tal-lemin estrem u Forza Italia taċ-ċentru tal-lemin.
Madankollu, huwa l-partit tal-lemin estrem Brothers of Italy (FdI) li qed jikber fl-istħarriġ tal-opinjoni, u l-mexxejja Giorgia Meloni qed tiġi mmarkata bħala Prim Ministru prospettiv. Hija ma kinitx parti mill-gvern ta’ għaqda u ripetutament sejħet għal elezzjonijiet bikrin matul il-ġimgħa li għaddiet.