Thursday, October 16, 2025

Kroat mixli b’pussess u traffikar ta’ madwar 76 kilo kokaina f’Għawdex

Aqra wkoll

Nenad Kovacic, Kroat ta’ 45 sena residenti x-Xagħra Għawdex ġie mixli quddiem il-Maġistrat Simone Grech li kellu fil-pussess tiegħu madwar 76 kilo ta’ kokaina li fis-suq iġibu valur ta’ madwar 9 miljun ewro. Hu kien mixli wkoll li saq vettura mingħajr liċenzja u polza tal-assigurazzjoni.

Meta ġie mistoqsi xi wieġeb għal akkużi, il-Kroat wieġeb mhux ħati.

L-Ispettur John Howard spjega li l-Pulizija kellha informazzjoni li kien se jkun hemm trakk niżel bid-droga lejn Malta. Għalhekk wara investigazzjoni li saret, ġie osservat dan it-trakk u hekk kif wasal fil-port tal-Imġarr twaqqaf mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Drogi. Hu ġie nformat li kien qiegħed jiġi arrestat.

Fi tfittxija li saret fit-trakk insab li kien hemm madwar 18-il kilogramma ta’ sustanza suspettata kokaina.

Min-naħa tagħha l-Maġistrat Grech qalet li hemm raġunijiet bizzejjed għal konvalida tal-arrest.

Il-Prosekuzzjoni għamlet talba biex jiġu ffriżati l-assi tal-akkużat, liema talba ġiet milqugħa.

Id-difiża qalet li f’dan l-istadju mhux se tkun qiegħda titlob għall-ħelsien mill-arrest, u għalhekk il-Qorti ordnat biex l-imputat jibqa’ jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Godwin Cini f’isem l-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi John Howard u Alfredo Mangion.

Id-difiża kienet imexxija mill-Avukat Daniel Calleja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport