Mladen Terzic Kroat ta’ 69 sena residenti San Pawl il-Baħar ġie akkużat b’tixrid ta’ materjal pornografiku tat-tfal. L-imputat li wieġeb mhux ħati tal-akkużi fil-Qorti qal li jaħdem f’restorant.
Hu ġie mixli li xandar materjal indeċenti li juri tfal taħt id-disa’ snin, li akkwista u kien fil-pussess ta’ pornografija tat-tfal, kif ukoll li ċċirkola dan il-materjal.
L-Ispettur Eman Hayman qal li l-investigazzjonijiet bdew meta l-Pulizija Maltija rċivew informazzjoni mingħand l-NCMEC – “National Center for Missing and Exploited Children” fl-Istati Uniti – dwar indirizz IP f’Malta li kien qed jintuża biex jittella’ online materjal ta’ sfruttament sesswali tat-tfal.
L-investigaturi segwew dik il-link fejn imbagħad wettqu żewġ arresti relatati mal-każ. Persuna minn dawk arrestati ġiet rilaxxata minħabba li nstab li ma kellix x’taqsam mal-każ.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Victor Bugeja qal li f’din l-istadju mhux qiegħed jitlob għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk il-Qorti ordnat li Terzi jibqa’ jinżamm taħt arrest.