Thursday, December 26, 2024

“Kruċjali li l-Kummissjoni tagħti r-rakkomandazzjonijiet sal-aħħar tas-sena”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Meta qegħdin nitkellmu dwar il-ftehim tal-paga minima mhux qegħdin nitkellmu dwar il-valur li għandu jkollha l-paga minima biss, imma anke dwar il-kompożizzjoni ta’ kif din tiġi kalkulata. Iddikjara dan ma’ L-Orizzont is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja wara li twaqqfet b’mod uffiċjali l-Low Wage Commission li l-għanijiet tagħha huma li sal-aħħar tas-sena tagħti rakkomandazzjonijiet lill-Gvern biex ikun hemm reviżjoni relatata mal-paga minima f’pajjiżna.

Bugeja qal li l-ewwel prinċipju tal-Kumissjoni għandha tiddiskuti l-valur tal-paga minima u jekk din tkunx biżżejjed biex tagħti ħajja diċenti, iżda għandhom jiġu kkunsidrati wkoll diversi fatturi fosthom jekk din għandhiex tibqa’ dejjem marbuta mal-inflazzjoni, jekk għandhiex tidħol il-produttività, jekk għandhomx il-Ftehimiet Kollettivi li jiġu ffirmati mit-trejdunjins jibdew jagħmlu parti mill-kalkolu li jkun hemm biex id-diskrepanzi bejn il-postijiet tax-xogħol li jkunu fi ħdan trejdunjins u dawk li ma jkunux ma jaraw lil ħadd jaqa’ lura u għalhekk il-ħsibijiet qegħdin kollha hemm biex jibdew id-diskussjonijiet biex tinstab l-aħjar soluzzjoni biex il-paga minima verament tibqa’ l-paga minima.

Is-Segretarju tal-GWU qal li minbarra li tiżdied il-paga minima, jekk hemm il-ħtieġa u l-bżonn, għandhom jiżdiedu fir-relattività tagħhom il-pagi li jkunu baxxi minkejja li jkunu fuq il-paga minima.

“Jekk se tiżdied il-paga minima se tolqot pagi oħrajn li jkunu ftit ’il fuq u aħna d-diskussjoni tagħna kienet dejjem li dak ikun over and above il-kumpens li jingħata għal dak li jkun ġa miftiehem jew maqbul fil-ftehim kollettiv”, spjega Bugeja.

Huwa fakkar li fl-2017 il-General Workers’ Union Kienet waħda mill-protagonisti fejn kien intlaħaq qbil bejn il-gvern u l-Oppożizzjoni li rat żieda fil-paga minima għal tliet snin wara xulxin. Din iż-żieda kienet seħħet wara 27 sena u għalhekk il-ħsieb tal-ftehim kien li ma jitħallewx jgħaddu daqstant snin biex din tiġi riveduta mingħajr ma jkun hemm l-għoli tal-ħajja.

Il-ħsieb dakinhar kien li titwaqqaf Kummissjoni għall-paga minima jew kif nafuhom aħjar bħala l-pagi baxxi. Id-diskussjonijiet kien ilhom għaddejjin sakemm it-Tlieta, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ħabbar l-avviż legali bit-twaqqif uffiċjali u ta identità legali lil din il-Kummissjoni biex issa jibda x-xogħol għax sal-aħħar tas-sena trid tkun ħarġet l-ewwel pożizzjoni tal-istess Kummissjoni dwar il-paga minima.

Ekonomija

Sport