Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-triathlon?
Ta’ seba’ snin bdejt ngħum u għamilt l-ewwel swim-run tiegħi fil-gżira ta’ Għawdex, fejn dakinhar kien hemm kowċ li ġibdet l-attenzjoni lill-ġenituri tiegħi li għandi potenzjal u minn dakinhar tħajjart nibda nitħarreġ it-triathlon.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Illum għandi 11-il sena u l-iktar suċċess li s’issa ksibt kien dak li minn ta’ etá żgħira irbaħt ħafna kampjonati u tlielaq tal-ġiri u midalji fl-għawm. Ninsab fl-ewwel post fit-tlielaq tal-Malta Mountain Bike ta’ din is-sena u bħalissa qiegħed fl-ewwel pożizzjoni tat-Triathlon Series fi Sqallija.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Mill-kisbiet ta’ ħafna atleti lokali tinduna li hemm potenzjal kbir għal ħafna atleti Maltin dejjem jekk isibu l-appoġġ ta’ entitajiet sportivi Maltin.
Bħala taħriġ ikolli darba jew darbtejn kuljum. Darba fil-ġimgħa jkolli t-taħriġ mal- klabb tiegħi Għawdxi, Shamrock Stars. Nipprattika l-għawm il-Pixxina Nazzjonali, il-ġiri fit-trakka kif ukoll fit-triq, u bir-rota jkolli taħriġ regolari.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Prattikament fl-aħħar tal-gimgha dejjem ikolli xi kompetizjoni. jekk mhux tat- triathlon, ikolli tal-għawm, rota jew ġiri.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-triathlon?
Bħala triatleta, inħares lejn il-futur tiegħi li nkompli nitħarreġ kemm nista’ u bl-appoġġ tal-klabb u kowċis tiegħi li dejjem sibt, inkompli nikber f’dan l-isport li tant hu sabiħ.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fit-triathlon.
Nixtieq ngħaddi messaġġ lil min jixtieq jibda dan l-isport tant sabiħ ta’ tliet dixxiplini, għalkemm mhux sport faċli għax jirrikjedi ħafna ħin, il-benefiċċji huma spettakolari u nħeġġeġ lil tfal oħrajn jitħajru mqar jippruvaw dan l-isport ta’ tant sodisfazzjon!