Minn Mark Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-bodybuilding?
Minn ċkuniti kont inħobb nara l-films ta’ Arnold u dik ħalliet impatt kbir fija peró ngħid id-dritt qatt ma kont bniedem attiv. Dan sakemm meta bdejt nikber u rrealizzajt li għandi bżonn nibdel ħajti u hemmhekk kien fejn bdejt il-gym. Ftit ftit bdejt nara l-progress u hemmhekk kompliet tikber il-passjoni tiegħi lejn l-isport.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa bħala atleta?
Din kienet l-ewwel sena li kkompetejt. Ma ksibtx xi suċċessi kbar peró għalija ksibt l-ikbar suċċess f’ħajti għax irnexxieli negħleb kull ostaklu f’ħajtj u bnejt dixxiplina kbira mhux fejn jidħol taħriġ fl-isport u dieta biss imma anke f’kull aspett ieħor f’ħajti.
Kif tqis il-livell tal-bodybuilding f’pajjiżna fil-preżent?
Nemmen li għadna daqsxejn lura jekk nikkomparaw ma’ pajjiżi oħra peró bil-ħidma tal-president Ralph Decelis u t-tim kollu tal-IFBB Malta kull sena qed nimxu ‘l quddiem u qed niksbu suċċessi kbar anke barra minn xtutna.
U dak tar-riżorsi fejn intom l-atleti titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Fejn jidhlu kompetizzjonijiet hawn opportunitajiet kbar u hawn anke l-għajnuna għal min veru jrid jirnexxi fl-isport peró fejn jidħlu riżorsi naħseb li sfortunatament ma nagħtuhx importanza kbira daqs sport ieħor bħall-futbol.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?
Bis-saħħa tal-mezzi soċjali qed nara li kemm il-mentalitá kif ukol l-interess għal dan l-isport qegħdin jikbru b’mod speċjali fiż-żgħażagħ għalkemm nemmen li hemm bżonn ta’ aktar tagħlim u tagħrif biex dak li jkun jagħmel kollox bil-galbu għax sfortunatament illum il-ġurnata kulħadd irid jikseb riżultati kbar malajr u b’hekk jista’ jkollhom konsegwenzi ħżiena.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-bodybuilding?
Wara din il-kompetizzjoni, il-passjoni tiegħi lejn il-bodybuilding kompliet tikber iżjed. Issa li naf aħjar fejn kapaċi twassal il-kapaċitá tiegħi beħsiebni naħdem u nirsisti iktar biex id-darba li jmiss intejjeb il-preżentazzjoni tiegħi kif ukol qed naspira biex xi darba mmur nikkompeti barra minn Malta nirrapreżenta lil pajjiżi.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-bodybuilding.
Għal min forsi għadu ħa jibda naħseb li l-aħjar parir li nista’ nagħtihom hu biex qatt ma tikkomparaw ruħkom ma’ ħaddieħor għax qatt ma tkun kuntent u l-ewwel kompetizzjoni għandha tkun miegħek innifsek. Jekk inti kapaċi tegħleb dik naċċertak li min sena għall-oħra se tkun qed titjieb u dejjem tħossok rebbieħ. Fl-aħħar mil-aħħar taqtgħu qalbkom qatt u dejjem kunu konsistenti!

