Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, permezz tar-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa, ippubblika ktieb ta’ ritratti “Il-Presidenza ta’ Malta”, li jfakkar il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa 2025.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg nieda din il-pubblikazzjoni, din il-ġimgħa f’Dar il-Mediterran, il-Belt Valletta, fil-preżenza ta’ uffiċjali minn entitajiet differenti, diplomatiċi, esperti f’oqsma varji, kif ukoll artisti li taw is-sehem tagħhom fil-Presidenza Maltija, bejn l-14 ta’ Mejju u l-14 ta’ Novembru 2025.
Il-ktieb fih 200 paġna ta’ ritratti tal-aktar mumenti memorabbli tal-programm politiku u l-programm kulturali tal-Presidenza, rikordju viżiv tal-kisbiet ta’ Malta f’madwar 70 inizjattiva li ttellgħu f’Malta u fi Strasburgu, is-sede tal-Kunsill tal-Ewropa.
Il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll messaġġi, bil-Malti u bl-Ingliż, mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, mill-Prim Ministru Robert Abela, mid-Deputat Prim Ministru Ian Borg, li serva bħala President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa matul il-Presidenza Maltija, kif ukoll mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Alain Berset u mill-President tal-Assemblea Parlamentari tiegħu Theodorus Rousopoulos, fost uffiċjali oħra.
Fl-indirizz tiegħu waqt it-tnedija tal-ktieb, id-Deputat Prim Ministru Borg irringrazzja lill-entitajiet, l-organizzazzjonijiet u l-individwi kollha li kkontribwixxew għas-suċċess tal-Presidenza ta’ Malta, li ħabtet mas-60 anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa.
“Din il-Presidenza tenniet l-impenn tagħna lejn il-valuri Ewropej, hekk kif ħdimna favur id-djalogu u l-kooperazzjoni ġenwina, filwaqt li bqajna nħarsu l-valuri fundamentali – smajna lil kulħadd, u qatt ma konna indifferenti quddiem it-tbatija u l-inġustizzji. Qed inkomplu nkunu pont bejn nazzjonijiet u fehmiet differenti,” stqarr Dr Borg.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u Gvern Lokali, Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, kif ukoll il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa Naomi Cachia, ukoll ħadu sehem f’din l-attività. It-tnedija tal-ktieb ġiet indirizzata wkoll mill-Ambaxxatriċi Francesca Camilleri Vettiger, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll minn Sean Buhagiar, id-Direttur Artistiku tal-Presidenza Maltija.
Kopji ta’ ‘Il-Presidenza ta’ Malta, A Visual Legacy of Malta’s Presidency of the Council of Europe 2025’ ingħataw lill-mistednin waqt it-tnedija tal-ktieb, bi ħlas ta’ donazzjoni lil ‘L-Istrina’, l-inizzjattiva ta’ ġbir ta’ fondi li se ssir l-Għada tal-Milied b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation.

