B’daħla ta’ Trevor Żahra, din hija ġabra ta’ memoirs personali mimlija stejjer u aneddoti fit-tlitt oqsma li fihom sawwar il-karriera tiegħu l-awtur – il-ġurnaliżmu stampat, ix-xandir, u l-Letteratura.
Matul dan il-vjaġġ ta’ qari mexxej u mqanqal, ħafna se jkunu qed jgħixu mill-ġdid perjodi differenti minn ħajjithom u, mal-awtur, iġeddu l-memorji tagħhom bi tbissima, xi ftit tan-nostalġija, u bil-lenti li minnha jkunu esperjenzaw dawk is-sitwazzjonijiet, ġrajjiet, u personaġġi msemmija.
Titwila lejn il-kontenut:
- “Ras il-Għajn” jeħodna lura lejn in-nofs tas-Snin Sittin meta għall-ewwel darba bdew jiltaqgħu u jiddevertu flimkien it-tfajliet u l-ġuvintur. Mis-segregazzjoni fil-knejjes u l-iskejjel għall-mixed youth clubs meta, x’waħda din, beda t-taħlit tas-sessi fost garr u kundanni mill-poteri ta’ dawk iż-żminijiet.
- Figura letterarja li żgur ħadd ma jista’ jinsa kien Raymond Mahoney, l-awtur tar-rock opera “Ġensna” u ġabriet ta’ poeżiji mill-isbaħ. Flores jikteb dwar il-ħbiberija twila tiegħu ma’ Mahoney waqt li jirrakkonta ċ-ċirkustanzi, fosthom aneddoti ta’ bixra leġġera, li seħħew matulha sal-jum kiefer tat-25 ta’ Lulju 2023 meta Raymond Mahoney ħalla din id-dinja.
- Il-Maltin issibhom kullimkien, minn oqsma tal-media internazzjonali, is-suq tal-kotba, l-istorja tal-kolonjalizzazzjoni u l-iskoperti fl-epoka kolonjali, sports, u l-mużika klassika sa karattri varji u mlewna li jżejnu r-rakkonti fil-ktieb.
- Fl-ewwel xhur tas-sena 1972 kienet seħħet kwistjoni diplomatika bejn Malta u r-Renju Unit dwar il-ħlas għall-bażi militari li kellhom l-Ingliżi fi Gżiritna. Fost l-aqwa ġurnalisti internazzjonali kienu ġew Malta u, magħhom, il-ġurnalisti Maltin, biex isegwu l-qofol tal-kwistjoni – “Operation Exit” – meta s-suldati u baħrin Ingliżi u l-familji tagħhom riedu jħallu Malta qabel jagħlaq l-ultimatum li kien ta l-Gvern Malti jekk ma jintlaħaqx ftehim. Ġrajja storika mżejna b’episodji personali u interessanti.
- Min iħobb il-futbol u għandu ċerta età ma jistax jonqos li jiftakar l-Empire Stadium fil-Gżira. Kemm ġrajjiet seħħew fih, kemm memorji ta’ logħbiet u plejers, iżda anki l-osservazzjonijet tal-awtur dwar kafe’ li jgħaqqadlek ruħek ma’ ġismek u ż-żagħżugħ tal-blalen imdendlin biex jgħidlek min qed jirbaħ u jitlef.
- It-Tmeninijiet kienu miżgħuda b’sitwazzjonijiet diffiċli għall-pajjiż. Matulhom, inqalgħu kwistjonijiet politiċi u soċjali li llum għadhom jixħtu dell fuq ġensna. Fuq nett kien hemm ix-xandir nazzjonali li, bħala l-uniċi stazzjonijiet, kienu fil-mira ta’ attakki bla waqfien, kultant ġustifikati, kultant le. X’kien hemm għaddej minn wara l-kwinti?
- Ħafna nies jiftakru s-sensiela ta’ programmi divertenti “Giochi Senza Frontiere” fuq ir-RAI. Kien divertiment sempliċi għall-familja kollha. Kien wasal ukoll il-jum li Malta tibda tieħu sehem. Hemm għexieren ta’ nies li, f’żgħożithom, ħadu sehem fil-programm f’isem Malta u f’isem ir-raħal jew belt li irrappreżentaw. Kienu sentejn ta’ ħidma sfiqa, bl-istejjer u l-ilwien kollha marbuta magħhom.
- Ir-Rediffusion. Speċi ta’ “kaxxa titkellem”. Kelma li tqanqal nixxiegħa ta’ tifkiriet fost ġenerazzjonijiet varji. Maż-żmien sar magħruf bħala Cable Radio. Mal-milja taż-żmien, it-teknoloġija u l-gosti tan-nies inbidlu drastikament sa wasslu għall-għeluq ta’ dan is-servizz li lanqas il-gwerra ma kienet għalqitlu ħalqu.
- Fleet Street kienet it-triq magħrufa f’Londra minn fejn l-aqwa ġurnali u rivisti Ingliżi kienu joperaw. L-awtur jikteb dwar il-kuntatt ħaj tiegħu mal-media Ingliża dwar ġrajjiet li kienu jseħħu f’Malta kontemporanja, b’aċċent fuq is-Servizzi Ingliżi u l-personaġġi notorji li fittxew kenn f’pajjiżna. Fosthom l-imprenditur John Gaul, is-sieħba tiegħu u l-gżira ta’ Kemmuna.
- Eliżabetta II tal-Gran Brittanja jingħad sikwit li kienet “tħobb” lil Malta. Fl-istorja tidħol midalja lewn id-deheb li, ta’ tifel żgħir, l-awtur kien irċieva bħala parti mill-merħba li l-Maltin kienu tawha fl-ewwel żjara tagħha bħala reġina fl-1954. Kif reġgħet feġġet din il-midalja?
- Il-Belt kapitali tagħna, Valletta, hija ġawhra li llum qegħdin ingawduha ħafna aktar wara xi snin ta’ telqa u żdingar. L-awtur iħares lejn Beltna tul iż-żminijiet u kif din, trid jew tridx, kienet parti integrali mill-ħajja soċjali ta’ ħafna ġenerazzjonijiet. Stejjer ta’ skejjel, restoranti, attivitajiet u tibdiliet li wasslu, bit-tajjeb u l-ħażin, għal dik li hi Valletta llum.
- Il-ktieb f’idejk, kull ktieb li taqra, għandu l-istorja tiegħu, ta’ nies kuraġġjużi li wassluh mit-tnebbiħ sa fuq l-ixkafef tal-ħwienet u l-libreriji. Awturi u pubblikaturi bil-problemi tagħhom, li jibqgħu jirsistu u ta’ kull sena jwasslulna fis-suq limitat tal-Gżejjer tagħna kotba sbieħ bil-Malti. Iżda kemm baqa’ qarrejja tal-ktieb Malti? F’liema sitwazzjoni jinsabu l-pubblikaturi fis-sostenn diffiċli tagħhom tal-awturi tagħna?
“Ras il-Għajn”, mill-pinna stabbilita ta’ Charles Flores, jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha.

