F’Kuba, aktar minn 10 miljun persuna reġgħu spiċċaw bla dawl wara li l-grid nazzjonali tal-elettriku waqa’ għat-tieni darba fi żmien ġimgħa.
Fi stqarrija, il-Ministeru tal-Enerġija ta’ Kuba qal li seħħet “skonnessjoni totali” tas-sistema elettrika nazzjonali filwaqt li l-protokolli biex tinġieb lura l-provvista tal-elettriku diġà kienu qed jiġu implimentati.
L-operatur tan-network ta’ Kuba, UNE, qal li kien qed jirkupra gradwalment l-elettriku, billi jagħti prijorità lil ċentri importanti inklużi l-isptarijiet u s-sistemi tal-ilma.
Dan il-pajjiż fil-Karibew sofra minn tliet qtugħ kbir ta’ dawl matul dan ix-xahar hekk kif imblokk tal-fjuwil tal-Istati Uniti waqqaf l-importazzjoni taż-żejt barrani, li huwa meħtieġ biex l-impjanti tal-enerġija jibqgħu jaħdmu.
Sadanittant, koalizzjoni ta’ gruppi soċjalisti internazzjonali marret f’Havana fi tmiem il-ġimgħa biex turi l-appoġġ tagħha għall-Gvern ta’ Kuba, fejn ġabet magħha diversi għajnuniet fosthom pannelli solari, ikel u anke mediċini.
Minn meta s-suldati Amerikani ħatfu lill-eks President tal-Venezwela Nicolás Maduro, fit-3 ta’ Jannar, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump kien mistoqsi ripetutament dwar allegati pjanijiet simili għal Kuba.
Qed ikun irrapportat li l-President Trump irid it-tneħħija tal-President ta’ Kuba Miguel Díaz-Canel, alleat reġjonali tal-Venezwela, bħala waħda mill-kundizzjonijiet għat-tneħħija tal-embargo fuq il-fjuwil. Fil-jiem li għaddew, Trump issuġġerixxa li jista’ jkun hemm “teħid ta’ kontroll amikevoli” ta’ Kuba.
Waqt li kien qed jitkellem ma’ attivisti li kienu qed iwasslu l-provvisti umanitarji, il-President ta’ Kuba qal li l-gżira għandha “pjan ta’ tħejjija” biex iżżid il-prontezza tal-poplu tagħha għad-difiża kontra kwalunkwe aggressjoni militari tal-Istati Uniti.

