Fiż-żminijiet tal-lum, it-tfal u l-adoloxxenti qegħdin jiffaċċjaw sfidi kbar kemm fl-ambitu personali, fil-familja, dak soċjali kif ukoll minn sitwazzjonijiet esterni bħalma kienet il-pandemija globali tal-Covid-19 u preżentement it-tensjonijiet internazzjonali bi gwerer fl-Ukrajna u f’Gaza. Ħafna jassumu li t-tfal u l-adoloxxenti, fl-innoċenza jew l-immaturità tagħhom, ma jkunux daqstant konxji jew interessati minn dak li jiġri madwarhom. Iżda, l-verità hija differenti.
Minkejja l-età żgħira, it-tfal u l-adoloxxenti, fil-verità, jafu li jkun hemm inkwiet bejn il-ġenituri għax jgħixu dawn ir-realtajiet iebsa. Fil-verità, tfal u adoloxxenti jsofru minn ibbuljar u dan kemm b’mod dirett u online għax isostnu dan. Isemmu wkoll tensjonijiet mill-eżamijiet u mill-aspettativi akkademiċi. Jaraw ukoll b’għajnejhom problemi bħal razziżmu jew differenzi fil-kultura, kif ukoll jisimgħu bi ġlied serju li għandna barra minn xtutna li jista’ jwassal għal konflitt mifrux. Dan jixorbuh kemm minn koversazzjonijiet bejn l-adulti, kif ukoll fl-iskola.
Ma ninsewx ukoll il-problemi għas-saħħa mentali li qegħdin jesperjenzaw minn użu eċċessiv ta’ teknoloġija u l-influwenza li tħalli fuqhom, ki ukoll il-perikli tad-droga li qiegħda tmiss lil ħafna adoloxxenti. Hemm ukoll in-numru tat-tfal bi bżonnijiet speċjali b’mod speċjali dawk bil-kundizzjonijiet tal-ADHD u awtiżmu. Dawn ukoll huma ta’ tħassib u f’xi każijiet minnhom, ukoll ikollhom bżonn ta’ għajnuna għall-ħarsien tas-saħħa mentali tagħhom.
Fi studju riċenti rriżulta li hemm eluf ta’ tfal u adoloxxenti f’Malta, li qegħdin juru sintomi ta’ problemi ta’ saħħa mentali. Tant is-sitwazzjoni nfirxet li psikjatri ta’ tfal lokali esprimew tħassib li s-sistema m’għandhiex biżżejjed professjonisti biex tlaħħaq mad-domanda. Hawn huwa ċar li hemm bżonn li l-problema tal-mard mentali fost it-tfal u l-adoloxxenti tkun indirizzata.
Fir-rigward dan is-sit tkellem mal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali u l-Anzjani, Dott. Denis Vella Baldacchino umal-Kap tal-Crisis Resolution Malta, Dott. Mark Xuereb fejn filwaqt li ġie rikonoxxut li hemm problema, it-tnejn li huma saħqu li din l-isfida mhiex biss quddiem it-tfal u l-adoloxxenti, imma quddiem kulħadd. Il-problemi tal-mard mentali u dan mhux fil-każ ta’ pajjiżna biss, huma mifruxa fil-faxex kollha ta’ etajiet minn kull ambitù tas-soċjetà u għaldaqstant hemm bżonn li l-urġenza, l-attenzjoni u l-kura għandha tingħata lil kulħadd inklużi l-ħaddiema, l-anzjani, dawk li għandhom vizzju, il-vittmi tal-iscams, il-ġenituri, dawk li jweġġgħu lilhom infushom (self harm) u l-vittmi tal-vjolenza domestika.