“Kull persuna ċkejkna jew anzjana, b’diżabilità li tidher jew moħbija, għandha d-dritt ta’ ħajja dinjituża u bl-iktar mod indipendenti possibbli. Ħadd ma hu għar-rimi f’pajjiżna u kulħadd għandu kontribut x’jagħti. Nappella lill-poplu kollu biex iżomm dan f’moħħu u f’qalbu kull meta jkollu x’jaqsam ma’ persuni b’diżabilità,” qal il-President ta’ Malta, George Vella, waqt iċ-ċerimonja Premju Soċjetà Ġusta 2022.
Il-Premju Soċjetà Ġusta jiċċelebra u jirrikonoxxi l-ħidma, l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ diversi individwi fis-settur tad-diżabilità.
Il-President Vella semma kif Malta qed timxi b’mod effettiv fl-Istrateġija Nazzjonali għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u fl-obbligi internazzjonali relatati mal-ugwaljanza filwaqt li radd ħajr lill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u lill-Aġenzija Sapport għall-ħidma tagħhom u ħeġġeġ għall-aktar kollaborazzjoni.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, ħabbret li sal-ewwel nofs tas-sena li ġejja se tkun imnedija konsultazzjoni pubblika fuq żewġ liġijiet importanti – L-Abbozz ta’ Liġi li jipproteġi lil Adulti f’Sitwazzjonijiet ta’ Vulnerabbiltà u l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Awtonomija Personali. Liema abozzi se jassiguraw li l-persuni b’diżabilità jkunu iktar protetti u siguri f’Malta u barra l-pajjiż kif ukoll se jingħataw garanzija li jgħixu ħajja iktar indipendenti.
Il-Premju Soċjetà Ġusta ntrebaħ mill-Kumitat Paralimpiku ta’ Malta li hu responsabbli mill-iżvilupp u l-promozzjoni tal-parasports f’Malta u Għawdex u fl-aħħar snin ħadem biex tiżdied il-parteċipazzjoni fil-parasport u jikkollabora ma’ diversi assoċjazzjonijiet sportivi nazzjonali.
Il-Kumitat Paralimpiku Malti għandu madwar 50 paraatleta attiv bil-maġġoranza jkunu taħt is-16-il sena. Barra minn hekk, dan l-aħħar l-organizzazzjoni daħlet fil-parasport għall-għomja u neqsin mid-dawl.
Ir-rebbieħa tar-rikonoxximent speċjali u l-unuri l-oħrajn huma:
Gilmour Borg – Premju għall-Ħidma fit-Tisħiħ tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità
Villa Bianca, The Malta Trust Foundation – Premju Parteċipazzjoni Attiva fl-Arti u l-Kultura
Siġġiewi Rowing Club – Premju Parteċipazzjoni Attiva fl-Isport
Dr Claire Azzopardi Lane – Premju għall-Kisba tul il-Ħajja fis-settur tad-Diżabilità
PRISMS Malta – Premju lill-Għaqda Volontarja għal ħidma għat-tisħiħ tal-inklużjoni
The Estates Facilities & Capital Development Directorate, l-Università ta’ Malta – Premju għall-iktar post tax-xogħol li jopera b’mod inklussiv
Special Olympics Malta – Rikonoxximent speċjali għal ħidma fis-settur tad-diżabilità
Kumitat Paralimpiku ta’ Malta – Premju Soċjetà Ġusta