Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Il-passoni tiegħi lejn il-futbol nibtet meta f’raħal twelidi, il-Munxar, konna noħorgu nilagħbu il-ballun fit-triq ma’ sħabi li sfortunatament illum il-ġurnata ma tantx għadek taraha. Peressli aħna konna noqgħodu faċċata tal-grawnd tal-futbol tar-raħal, kienet ħafna iktar faċli li nsir inħobb il-ballun.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala goalkeeper ta’ Victoria Hotspurs FC.
Għalkemm hija esperjenza ġdida fid-diviżjonijiet inferjuri tal-futbol Malti, hija esperjenza sabiha ferm li titgħallem ħafna minnha. Naħseb li hija ħolma għal kull plejer Għawdxi li għandu ambizzjoni li jikber fil-karriera kalċistika tiegħu li xi darba jew oħra iktar minn qatt qabel jilbes il-flokk tal-klabb glorjuż ta’ Victoria Hotspurs.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Oliver Spiteri?
Oliver Spiteri huwa kowċ magħruf ħafna fil-futbol Malti, u għandu ħafna rispett minn kulħadd kemm mil-kamp ta Victoria Hotspurs kif ukoll minn kull min hu involut fil-futbol Malti inġenerali. Tista’ tgħid li huwa wiehed mil-aqwa kowċis li hawn ġo Malta fil-preżent. Huwa jiżgura li l-plejers jisfidaw lilhom infushom kontinwament, u għandu kapaċità biex jikkultiva kemm l-għaqda tal-grupp kif ukoll l-impenji individwali.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara l-promozzjoni min-National Amateur League 2 għan-National Amateur League 1 bħala Champions?
L-għaqda li kien hemm bejn il-plejers u l-istaff tekniku kif ukoll il-kumitat naħseb li kienet parti importanti f’dan is-suċċess. Kulħadd ġibed ħabel wieħed biex ilħaqna dan it-tragward!
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-livell tal-futbol Malti fl-aħħar snin wera żvilupp, għalkemm għad hemm sfidi u limiti. Għandu jkun hemm pjan ħolistiku biex il-livell dejjem jibqa’ jitjieb.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?
Aħna qegħdin nikkompetu fl-iżgħar diviżjoni tal-futbol Malti, allura ma nistgħux nippretendu li nilagħbu fl-aqwa grawnds li hemm għad-dispożizzjoni tal-kampjonati Maltin. Naspiraw li fil-futur nilagħbu fi grawnds ta’ livell ogħla.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.
Fil-ħajja xejn ma jiġi mingħajr sagrifiċċju u determinazzjoni. Kull min jixtieq jibda jilgħab il-futbol għandu bżonn jegħleb il-biżgħat tieghu u jħares ‘il quddiem b’passjoni, determinazzjoni u dedikazzjoni. Il-futbol huwa sport li jrid ħafna taħriġ, imħabba għalih, u fidi fil-kapaċitajiet tiegħek.