L-effett negattiv u t-theddida mill-gwerra fl-Ukrajna fuq pajjiżna u l-bqija tad-dinja…
Il-gwerra fl-Ukrajna għadha għaddejja. L-invażjoni mir-Russja qiegħda tikkawża ġlied bejn iż-żewġ pajjiżi b’telf kbir ta’ ħajja għaż-żewġ naħat. Din it-theddida għall-ħajja u instabbiltà mhix tinħass mill-poplu Ukren biss. Dan minħabba li l-qawwa militari Russa mmexxija mill-President Vladimir Putin hija waħda b’saħħitha u mhiex tbaxxi rasha la għat-talbiet u s-sanzjonijiet mis-superpotenza Amerikana u mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll lanqas waqfet l-invażjoni mixtieqa mill-Vatikan u minn pajjiżi newtrali li jridu jagħmluha ta’ medjaturi.
Fid-dawl ta’ din l-invażjoni Russa fl-Ukrajna li mhux darba, darbtejn issemmgħu armi nukleari u gwerer ekonomiċi internazzjonali, dan is-sit għamel intervista ma’ Clint Flores li għal diversi snin kien l-ambaxxatur Malti tal-Kumitat tal-Politika u s-Sigurtà tal-Unjoni Ewropea. Flores, barra li jemmen li dan l-“inkwiet” ilu ġej is-snin, wissa li fi kwistjoni bħal din, kulħadd irid iċedi biċċa għax jekk le, il-gwerra se tkompli u dan għad-detriment tal-ekonomija globali, dik li ngħidulha ż-zero sum game.
“L-Unjoni Ewropea għandha tintervjeni u tħaddem il-flessibbiltà tar-regoli tal-fiskal. Hemm regoli tal-governanza tal-munita Ewro li naħseb jistgħu jkunu mibdula temporanjament”
Clint Flores
Flores qal li din hija kriżi li ilha tbaqbaq mill-2014 u li dan mhuwiex konflitt li twieled fl-aħħar xhur, imma jmur lura għall-2014, meta l-President ta’ dak iż-żmien, Viktor Yanukovych, kien irrifjuta qbil ta’ assoċjazzjoni (Association Agreement) mal-UE.
“Infatti, dan kien biss episodju li ried iħarbat l-Ukrajna milli tersaq lejn il-Punent u waqt li jkun hemm il-protesti fl-istess ħin ir-Russja t’annessa l-Krimea u toħloq instabbiltà f’Donbas b’separatisti jingħataw l-appoġġ mill-militar Russu. Nemmen li l-għan kien li r-Russja tannessa t-Tramuntana tal-Krimea, ma’ Donbas u toħloq territorju ‘contigous territory’ li jmiss magħha u jagħtiha faċilità aħjar fil-baħar Azov, l-isfel għall-Baħar l-Iswed,” spjega l-eks ambaxxatur. Il-mistoqsijiet li għamilnielu huma dawn:
Jista’ b’xi mod il-konflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna jkun ta’ theddida għall-pajjiżi fl-UE? Jekk iva, għala?
Illum nemmen li iva. Nemmen li mhux għall-pajjiżi tal-UE biss, imma anke dawk tal-madwar. L-ewwelnett, l-instabbiltà tal-konflitt qiegħda taffettwa sew il-prezzijiet tal-qmuħ u għalhekk l-ikel, kif ukoll il-prezzijiet taż-żejt u tal-gass. Konflitt ma jfissirx li jista’ jkun theddida biss bħala militar, imma anke ekonomikament li ġeo-politikalment ikisser pajjiż ieħor.
Apparti minnhekk, il-pajjiżi ta’ madwar l-Ukrajna, li huma wkoll pajjiżi tal-UE, jekk jintlaqtu militarment, ikun ifisser li l-pajjiżi tan-NATO huma kollha involuti, minħabba l-fatt tad-Difiża Kollettiva, Artiklu 5 tat-trattat tan-NATO. Kemm infakkar li r-Russja għandha l-forzi tal-Kazakhstan taħt idejha, irnexxielha tieħu part mill-Georgia, tokkupa l-Moldova u għandha s-sigurtà tal-Belaru taħtha wkoll.
Taqbel mal-pożizzjoni ta’ appoġġ lejn il-President Ukren Zelensky li ħadet il-UE?
L-Unjoni Ewropea investit ħafna fl-Ukrajina. Investit biljuni mil-2014 ‘l hawn. Naħseb li naqbel li l-UE tagħti appoġġ sħiħ lill-Ukrajna. Ekonomikament però, mhux militarment.
L-UE b’messaġġ ta’ governanza ħażin…
Huwa minnu li l-UE ma aċċettax sħubija ta’ emerġenza għall-Ukrajna iżda beda l-proċess u saru laqgħat ma’ Zelensky ta’ appoġġ u mhux man-naħa Russa. Taħseb li aktar milli appoġġ lejn naħa partikolari kien ikun aktar “sigur” li l-UE tkun ambaxxatur għal taħditiet u mhux tgħaddi armi etc?
Il-President Zelensky ingħata kwestjonarju biex jimtela’ minn pajjiżu. Normalment, dan il-kwestjonarju jdum ix-xhur biex jimtela’ għax huwa rigoruż ħafna. Sorpriż kif l-Ukreni irnexxilhom jimlewh fi tliet ġimgħat waqt li għaddejja gwerra fejn is-settur pubbliku mhuwiex jiffunzjona. Naħseb li l-UE qiegħda tibgħat messaġġ ta’ governanza ħażin ħafna u qiegħda toħloq preċedent.
L-Unjoni Ewropea ma twelditx biex tkun Unjoni ta’ Difiża u tgħaddi l-armi. Tgħidli llum ngħixu f’dinja differenti u s-sigurtà hija importanti. Ngħid li d-dinja għadha l-istess għax meta tara l-istorja, l-istess konflitti għadhom iseħħu. Inbidel biss il-kuntest u l-kapaċitajiet militari. Nemmen li d-diplomazija għandha tibqa’ fuq livell għoli tal-aġenda, tkun xi tkun is-sitwazzjoni.
Fl-opinjoni tiegħek, turija ta’ appoġġ lejn naħa, ifisser sa ċertu punt alleanza?
Sakemm l-appoġġ ma jkunx wieħed militari, le. Jekk l-appoġġ ikun wieħed militari, iva.
Jekk iva, jista’ dan iwassal biex il-President Russu jieħu bħala għedewwa tal-istat lill-pajjiżi tal-UE?
Diġà tefagħhom fuq il-lista tal-pajjiżi li mhumiex ħbieb (unfriendly), inkluż Malta li ma tħallasx għall-armi letali, xi ħaġa li nnegozjajt jien waqt li kont Ambaxxatur tal-Kumitat tal-Politika u s-Sigurtà tal-UE. Inħallsu għal affarijiet oħra imma mhux għall-armi letali.
Zelensky qiegħed isostni li l-mira tar-Russja hija li mhux tinvadi biss lill-Ukrajna iżda pajjiżi oħra fl-Ewropa. X’inhija l-opinjoni tiegħek dwar dan?
Jekk ikun hekk, ikun il-bidu tat-Tielet Gwerra Dinjija. Mhux faċli tgħid imma naħseb li r-Russja, bħalma sabet reżistenza enormi mill-Ukrajna li l-forzi tagħha huma mħarrġa min-NATO, ma jonqosx ngħid li ssib reżistenza akbar kieku jiġri hekk mill-pajjiżi tal-UE u dawk tan-NATO.
Għal darba darbtejn ir-Russja semmiet riperkussjonijiet fosthom theddida nukleari (l-aktar ricenti sar ittestjar tal-bomba atomika Satan 2). Attakki bħal dawn, taħseb li jistgħu jsiru fl-Ewropa u jekk isiru fl-Ukrajna, kif dawn jistgħu jaffettwaw lill-Ewropa?
Jekk ir-Russja tħossha mhedda min-NATO, nemmen li jużawhom però ma jużawx armi nukleari ta’ livell għoli. Ikunu biss limitati biex iżarmaw lill-Ukrajna, għalkemm l-effett ta’ radjazzjoni ma jonqosx li ngħid, ma jkunx limitat biss għall-Ukrajna imma wkoll għall-pajjiżi tal-madwar.
Il-protezzjoni tal-popli Ewropej hija wkoll dik ekonomika. Il-prezzijiet f’dawn il-kważi 60 jum ta’ gwerra splodew u l-familji qegħdin isibuha diffiċli jlaħħqu mal-ħajja. X’taħseb dwar dan u x’tista’ tagħmel il-UE?
L-Unjoni Ewropea għandha tintervjeni u tħaddem il-flessibbiltà tar-regoli tal-fiskal. Hemm regoli tal-governanza tal-munita Ewro li naħseb jistgħu jkunu mibdula temporanjament u d-defiċit ma jitkejjilx b’mod annwali imma fuq ċiklu.
Eżempju jagħmlu pjan ta’ ħames snin, fejn pajjiż ikun jista’ jibbilanċja l-kotba fuq perjodu ħalli tagħti nifs lill-gvernijiet jadottaw flessibbiltà fil-fiskal tagħħhom. B’hekk tkun tista’ tħalli aktar flus fil-bwiet (disposable income) jekk tnaqqas it-taxxi u l-VAT u l-familji jkampaw mal-inflazzjoni. Jew inkella, il-gvern jidħol jissussidja l-prezzijiet imma jkollhom jibdlu ftit ir-regoli tal-għajnuna tal-istat ‘state aid’. Xi ħaġa simili għal dik ta’ Recovery and Resilience Facility wara l-pandemija tal-Covid-19 hija importanti wkoll għas-sentiment tal-investiment privat.