Sunday, November 24, 2024

KULĦADD IRID JERFA’ BIĊĊA JEKK IRRIDU TOROQ IŻJED SIGURI

Aqra wkoll

Ta’ sikwit nisimgħu b’kampanji edukattivi sabiex titqajjem aktar kuxjenza dwar is-sigurtà fit-toroq. Dawn il-kampanji, li jilħqu l-qofol tagħhom proprju f’dawn iż-żminijiet ta’ festi, mhumiex intiżi biss għal min ikun qiegħed isuq imma wkoll għal min juża t-triq anke għaliex min ma jsuqx irid joqgħod attent meta pereżempju jkun qed jaqsam minn fuq zebra crossing u mhux bl-addoċċ. Imma kemm tassew kampanji ta’ din ix-xorta qegħdin jgħinu biex jonqsu l-inċidenti? Sfortunatament din is-sena rajna wkoll żieda fil-fatalijiet fit-toroq tagħna. 

Huwa minnu li l-inċidenti qegħdin jiżdiedu b’rata allarmanti u fost din iż-żieda hemm numru ta’ fatturi fosthom veloċità eċċessiva, għejja u distrazzjoni waqt is-sewqan. Iż-żieda fil-popolazzjoni wasslet għal iktar ħin imwaħħlin f’konġestjoni tat-traffiku li qed twassal għal iktar għejja u distrazzjoni. Fost id-distrazzjoni prinċipali ovjament hemm il-lebliba għall-mobile. Ikun hemm persuni li jippruvaw jisirqu dik l-opportunità biex jibagħtu messaġġ ta’ malajr waqt li jkunu qed isuqu. Oħrajn saħansitra jagħmlu konverżazzjonijiet sħaħ, u oħrajn li b’dan l-għemil jikkawżaw ħabtiet li saħansitra jwasslu għal konġestjonijiet ikbar tat-traffiku. 

Li l-gvern jippreżenta strateġija għas-sigurtà fit-toroq ta’ pajjiżna hija xi ħaġa ta’ min ifaħħar, b’mod speċjali meta wara diskussjonijiet, se jkun qiegħed jantiċipa t-tmiem tal-istrateġija eżistenti li tiskadi fi tmiem is-sena li ġejja. Din turi l-bżonn li l-gvern jibda jindirizza bis-serjetà l-inċidenti fit-toroq tagħna. 

Iżda x’jiswa’ li titnieda strateġija jekk din ma tkunx imsaħħa b’infurzar b’pieni eħrex u li iżjed jagħmlu sens. Il-Ministru aċċenna għal sitwazzjonijiet f’pajjiżi barra minn xtutna fejn dawk li jitilfu l-punti tal-liċenzja tas-sewqan mhux biss jerġgħu jibdew il-proċess, iżda saħansitra jkollhom jattendu lectures dwar is-sigurtà fit-toroq. Naqblu mal-fatt li għal xi sewwieqa multa ta’ €23, €50 jew €100 mhijiex daqstant b’saħħitha biex taqta’ ċertu irregolaritajiet u għalhekk inħarsu ’l quddiem għat-tħabbir tar-reviżjoni fil-multi u l-punti f’Jannar li ġej. 

Nemmnu li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta wara tnaqqis fl-inċidenti. Mhijiex xi ħaġa li se tinbidel mil-lum għal ġimgħa jew xahar ieħor, però ċertament li għandna bżonn ta’ bidla fil-kultura tagħna. Sa minn fuq il-bankijiet tal-iskola jeħtieġ li nitgħallmu li kulħadd għandu d-dmirijiet tiegħu. 

Mhux biżżejjed li tħares lejn il-lemin u x-xellug jekk fil-verità qiegħed taqsam minn post li m’għandekx taqsam minnu biex ma timxix ftit metri. Mhux biżżejjed li ma tixrobx meta ssuq jekk mingħajr xorb xorta tagħżel li ssuq b’veloċità eċċessiva jew taqa’ għad-distrazzjonijiet li jikkawżaw inċidenti bla bżonn. Iżda li jorbot dan kollu hu li mhux biżżejjed li l-gvern jaħdem qatigħ mal-entitajiet rispettivi biex joħloq strateġija jekk ma jkollux l-infurzar biex iwassal messaġġ b’saħħtu li l-affarijiet f’pajjiżna verament qed jittieħdu b’serjetà għax il-bidla fil-mentalità trid isseħħ kemm jista’ jkun malajr.

Sport