Saturday, December 28, 2024

“Kulħadd irid jifhem li għandna nkunu responsabbli fuq il-post tax-xogħol”

- id-Deputat Laburista Ray Abela

Aqra wkoll

Hekk kif kompliet diskussa l-emenda b’rabta mal-inkjesti maġisterjali dwar inċidenti fuq il-post tax-xogħol, id-Deputat Laburista Ray Abela saħaq fuq l-importanza li kulħadd jifhem li għandna nkunu responsabbli fuq il-post tax-xogħol.

Qal lil ilna nisimgħu ħafna fuq dan is-suġġett fejn smajna b’inċidenti li jkunu ġraw minħabba sitwazzjoni marbuta ma’ nuqqas ta’ sigurtà, negliġenza u sforz aċċidenti li ħadd m’għandu kontroll fuqhom.

Qal li min iħaddem irid jipprovdi ambjent sigur iżda wkoll makkinarju sigur u protezzjoni għal kull eventwalità. Min-naħa l-oħra, il-ħaddiem irid ikollu r-responsabbiltà li jipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tiegħu nnifsu u tal-kollegi sħabu. Dan billi jopera bl-apparat kif suppost, ikun imħarreġ sew u jilbes ilbies protettiv.

Abela tenna li “l-akbar provvediment biex ikollna aktar sigurtà hija l-edukazzjoni u l-informazzjoni iżda wkoll is-sens ta’ dixxiplina biex kulħadd jobdi strettament ir-regoli fil-liġi.”

“Għandu jkun hemm sistemi f’kull post tax-xogħol fejn meta jweġġa’ xi ħadd jitfassal pjan biex jiġi assigurat li dan ma jerġax iseħħ.

“Irridu nkunu aktar pro-attivi biex inwasslu l-messaġġ b’saħħtu fuq l-importanza tas-saħħa u s-sigurtà fuq kwalunkwe post tax-xogħol,” tenna Abela.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo qal li l-ebda ħaddiem m’għandu jiġi intimidat minn ħadd jekk jara li s-saħħa u s-sigurtà tiegħu hi mhedda fuq il-post tax-xogħol jew jiġi intimidat li ma jitkellimx.

Castillo kkritika din il-liġi li skontu “mhux qed isservi ta’ ġid” għax qal li “mhux qed nilħqu l-miri biex jinqatgħu l-inkjesti pendenti” relatati ma’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol.

Huwa sostna li s-sena li għaddiet kellna 13-il mewt fuq il-post tax-xogħol. Qal li rridu nagħmlu dak li hemm bżonn biex nevitaw sitwazzjonijiet bħal dawn. “Nesiġu li jkollna Awtorità attrezzata bir-riżorsi kollha li għandha bżonn biex verament tagħmel xogħolha,” qal Castillo.

Ekonomija

Sport