Monday, April 28, 2025

‘Kulħadd jista’ jagħmel karriera ta’ suċċess fil- Hyrox, irrispettivament mill-pjazzament fit-tellieqa’ – Daniel Brincat

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Hyrox?

Minn dejjem kont inħobb nittrenja, u minn dejjem kien jogħġobni taħriġ ‘hybrid’. Inħobb niġri peró mhux biss, inħobb tipi oħra ta’ taħriġ bħal “strength training” u “endurance training”. Element ieħor li jogħġobni fit-taħriġ hu li jkun fih element sostanzjali ta’ tbatija fiżika – din hi xi ħaġa li tgħinni ħafna mentalment apparti fiżikament – iżżommni dixxiplinat u reżiljenti u timmotivani biex nieħu ħsieb ġismi wkoll kemm jista’ jkun għax naf li jekk ma jkunx hekk m’inix ħa jkolli wirjiet tajbin.

Il-Hyrox dik hi, hija tellieqa kumplessa ħafna li fiha ħafna komponenti. Fiha wkoll element ta’ tattika li hija komponent importanti mmens. Kull atleta li jixtieq jikkompeti u jmur tajjeb fl-isport irid jikkura sal-inqas dettall dawn il-komponenti kollha. Dik hija xi ħaġa li tibqa’ żżommni motivat li nqum filgħodu kmieni u nerħilha għat-taħriġ.

Apparti dan, fil-‘Vitera Health and Fitness’, ħloqna komunitá b’saħħitha ħafna – u jien u shabi kollha nimmotivaw lil xulxin biex nibqgħu nittrenjaw magħqudin flimkien.

X’unuri maġġuri ksibt sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?

Lil hinn mil-unuri, fil-veritá hi dejjem ġlieda kontrik innifsek. Wara kull sessjoni ta’ taħriġ, wara kull tellieqa, dejjem trid tistudja x’għamilt hazin, trid tipprova titgħallem mingħand ħaddiehor, u trid tibqa’ ttejjeb lilek nnifsek biex ittejjeb il-ħin tiegħek. Kif għidt – il-Hyrox hija tellieqa kumplessa. Trid tara kif ħa ttejjeb jew tbiddel t-tattika personali tiegħek, trid tara kif ħa tiġri iktar u iktar effiċjenti, trid tara kif ħa ttejjeb l-approċċ tiegħek fuq kull eżerċizzju funzjonali li hemm, bħal sled pull, rowing eċċ. U għalhekk hija tellieqa sabiħa – avolja l-istruttura tat-tellieqa ma tinbidilx, kull tellieqa hija differenti.

Bħala unuri, kelli l-unur li nikseb podiums f’kompetizzjonijiet lokali fis- “singles category”, peró l-iktar unur frisk huwa r-rebħ tad-“doubles category” ma’ Glenn Tanti Cuschieri, fil-Ħames Edizzjoni tal-Garmin Jungle Box Warehouse Challenge li saret f’ April 2025, fejn għamilna ħin tajjeb ħafna f’tellieqa ferm kompetittiva ma’ bosta atleti oħra tajbin ħafna.

Biss, l-ikbar unur għalija personali jibqa’ meta rnexxieli nikkwalifika għall-Kampjonati Mondjali tal-Hyrox fl-2024, fejn kont parti mill-kontinġent Malti li rrapreżenta lil Malta ġo Nice fi Franza. Din l-esperjenza kienet isbaħ minħabba li fl-istess kontinġent kien hemm sħabi mill-Vitera Health and Fitness, Abbygail De Brincat u Stephanie Zammit. Għalkemm għalija personali ma kinitx tellieqa pożittiva, xorta waħda nqisha bħala esperjenza tal-ġenn, fejn tgħallimt ħafna u fejn iltqajt ma’ atleti rinomati fid-dinja tal-Hyrox.

Kif tqis il-livell tal-Hyrox f’pajjiżna fil-preżent?

Qed jikber b’mod esponenzjali – it-tellieqa ma tidhirx biss hype jew moda tal-mument, imma xi ħaġa li qed tibqa’ tissaħħaħ. Biex nagħtik idea, fl-aħħar Edizzjoni ta’ April 2025, rajna ġol-Campus Hub eluf u eluf ta’ atleti u partitarji u nġabru EUR 60,000 għall-Inspire Foundation. Għalkemm il-Hyrox hija tellieqa diffiċli, xorta rnexxielha tiġbed atleti ta’ kull livell, u qed narawha tiġbed ħafna nies lura għall-eżerċizzju fiżiku, proprjament sabiex jipparteċipaw f’din it-tellieqa li bħalissa qiegħda fuq fomm kulħadd.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Din il-qabża f’dan l-isport qed issir ukoll permezz tal-ħafna xogħol u investiment li qed isir minn diversi gyms u faċilitajiet sportivi oħra. Biex nibqgħu naħdmu favur l-objettiv li niġbdu n-nies lura lejn it-taħriġ, nemmen li ċerti gyms u stabbilimenti oħra għandhom jingħataw għajnuna – mhux biss finanzjarja – biex ikomplu jgħinu dan l-isport jikber, peressli l-investiment li qed isir mhux wieħed żgħir. Sfortunatament, ir-riżorsi finanzjarji kif ukoll il-postijiet fejn wieħed jista’ jipprattika dan l-isport dejjem jibqgħu limitati, speċjalment meta naraw kemm kiber l-interess dan l-aħħar żmien.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-Hyrox?

Għandi xi tragwardi f’moħħi li nixtieq nilħaqhom – peró nammetti li bix-xogħol tiegħi mhux faċli, għalkemm anqas impossibli. Tarġa, tarġa, nipprova nkun aħjar, imbagħad naraw – peró mhux xi ħaġa li ffissat fuqha. Għandi xorti li għandi kowċis iffissati li huma tajbin ħafna fix-xogħol tagħhom, nittrenja ma’ grupp tal-ġenn, u għandi ħafna ħbieb fix-xena lokali tal-Hyrox. Nitgħallem ħafna kuljum – u dik għalija diġá biżżejjed.

Meta xi darba nnaqqas mit-taħriġ tiegħi personali, ma neskludix li nikkunsidra l-kowċing f’dan l-isport. Diġá għandi Award in Fitness Instructing li għamilt ma’ Sport & Exercise College, u ‘l-quddiem forsi naraw xi ħaġa specifika għall-Hyrox.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Hyrox.

Is-‘suċċess’ huwa terminu soġġettiv. Kulħadd jista’ jagħmel karriera ta’ suċċess fil- Hyrox, irrispettivament mil-pjazzament fit-tellieqa. Jekk jirnexxeilek tibni reżiljenza, passjoni, u dixxiplina għal dan l-isport, ħa jagħtik żvog li kulħadd għandu bżonn fid-dinja tal-lum u ħa jwasslek biex tkun persuna iktar b’saħħitha, mentalment u fiżikament. Għaldaqstant, nappella lil kull min għandu ħajra jibda, biex ma jaqtax qalbu u jibda jitħarreġ bilmod ma’ ‘trainers’ rinomati fil-qasam.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport