Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imhabba tiegħek lejn il-basketball?
Fil-passat kont nipprattika diversi sports, fosthom il-ġinnastika, iż-żfin u l-għawm. Il-ġenituri tiegħi dejjem ippruvaw jintroduċuni għal kull tip ta’ sport, iżda qatt ma sibt sodisfazzjon fihom. L-interess tiegħi fil-basketball beda meta dan ġie introdott fl-iskola.
Kienu l-ġenituri tiegħi li ggwidawni biex nieħu l-ewwel passi tiegħi f’dan l-isport. Meta l-kowċ ra l-mod kif kont nilgħab, qal li kelli potenzjal kbir. Huwa ħeġġiġni biex nibda nitħarreġ ma’ Luxol u taħt il-gwida tal-kowċ, Roderick Vella. Hekk beda l-vjaġġ tiegħi fil-basketball!
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Luxol Basketball Club.
L-esperjenza tiegħi ma’ Luxol Basketball Club kienet waħda pożittiva ħafna u ta’ tkabbir personali. Minn meta ngħaqadt mat-tim, sibt ambjent professjonali u familjari fl-istess ħin. Il-kowċis dejjem jagħtuni l-appoġġ u l-gwida li għandi bżonn biex intejjeb il-ħiliet tiegħi, u kontinwament jinkuraġġuni biex naħdem aktar u nemmen fija nnifsi. Il-kumpanji tat-tim ukoll huma ta’ motivazzjoni kbira.
Kulħadd jaħdem għal għan wieħed, u hemm spirtu ta’ tim li verament jagħmel id-differenza. Permezz ta’ Luxol, tgħallimt niddixxiplina lili nnifsi, nirrispetta t-tim, u niffoka fuq kif nista’ dejjem insir aħjar. B’kollox, Luxol laħħaqli l-potenzjal tiegħi u tani l-opportunità nikber bħala atleta u bħala persuna. Kont ukoll Captain tat-tim tal-U14 taħt il-gwida tal-kowċ Brendon Cassar u rrappreżentajt lil Malta fil-Kosovo f’Lulju ta’ din is-sena.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’pajjiżna fil-preżent?
Nemmen li l-livell tal-basketball f’Malta qed jitjieb, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Hemm ħafna plejers li għandhom talent u ħeġġa. Jista’ jkun hemm aktar opportunitajiet u aktar logħob biex inkunu nistgħu nikbru aktar, iżda b’mod ġenerali nħoss li Malta qed timxi fid-direzzjoni t-tajba.
U dak tar-riżorsi (courts) fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Il-courts li nużaw huma tajbin, iżda xi drabi jkunu limitati u rridu naqsmuhom ma’ ħafna timijiet. Meta jkollna spont importanti jew meta jkollna bżonn aktar spazju, tkun sabiħa kieku jkollna aktar faċilitajiet apposta għaż-żgħażagħ. Xorta waħda, fejn nitħarrġu issa jgħinna nagħtu prestazzjoni tajba.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-basketball?
Nixtieq inkompli nitjieb u naħdem aktar fuq il-ħiliet tiegħi. Għandi l-ħolma li nkun plejer importanti għat-tim tiegħi u forsi xi darba nilgħab barra minn Malta. L-iktar importanti għalija hu li nibqa’ nagħmel l-aħjar tiegħi u nżomm il-passjoni tiegħi dejjem ħajja.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-basketball u jkollu karriera ta’ suċċess f’dan l-isport.
Il-messaġġ tiegħi hu li tipprova u qatt ma taqta’ qalbek. Il-basketball mhux biss sport, iżda jagħtik ukoll ħbieb ġodda u jġib ħafna ferħ. Jekk taħdem iebes, tisimgħu lil coaches tiegħek u żżomm dixxiplina, tista’ tilħaq ħafna aktar milli taħseb. Kulħadd jista’ jibda jilgħab il-basketball … l-importanti hu li jkollok qalb u impenn!


