Saturday, December 21, 2024

“Kulħadd qed jibża’… Ħallewna niġġieldu waħidna”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-President tal-Ukrajna jikkritika lill-pajjiżi tal-Punent b’mod speċjali lin-NATO

Filwaqt li l-attenzjoni tal-popli ta’ madwar id-dinja kollha hija fuq dak li qiegħed jiġri fl-Ukranja wara l-invażjoni mill-armata Russa u twasslu ħafna messaġġi ta’ kundanna minn diversi mexxejja, il-President Ukrajn Volodymyr Zelensky qasam id-diżappunt tiegħu li pajjiżu u ċ-ċittadini tiegħu tħallew waħidhom biex jiġġieldu lir-Russi.

F’indirizz li għamel lill-poplu tiegħu, it-tieni wieħed minn mindu il-President, Vladimir Putin, iddikjara gwerra mal-Ukrajna, Zelensky attakka lill-pajjiżi tal-Punent, b’mod speċjali lin-NATO, talli ħadd m’huwa jgħin biex jiddefendu lin-nazzjon tagħhom.

“Min huwa lest jiġġieled magħna? Jien m’jien nara lil ħadd. Min huwa lest li jagħti garanzija li l-Ukrajna se tissieħeb man-NATO? Kulħadd qiegħed jibża’,” qal iddiżappuntat Zelensky minħabba n-nuqqas ta’ appoġġ mill-alleati tan-NATO. Il-President tal-Ukranja qal li minkejja li kellu ħafna taħditiet ma’ diversi mexxejja u wegħduh sostenn, huwa jista’ biss ikun sodisfatt jekk u meta dawn jgħinuh b’mod konkret u mhux bil-paroli biss. 

Zelensky qal li preżentament huwa fatt li l-Ukrajni jinsabu waħidhom jiffaċċjaw l-attakki mir-Russi u sostna li, “id-destin tal-Ukranja jiddependi biss mill-poplu Ukraniż”. Fid-diskors tiegħu huwa qabbel il-bombardamenti fuq pajjiżu tal-bieraħ mal-attakki li kienu saru fuq Kyiv minn Nażisti Ġermaniżi lura fl-1941.

Hawnhekk Zelensky ħeġġeġ lill-poplu tiegħu biex jiġġieled kontra l-għadu, talab biex ikomplu jipprotestaw ir-Russi li huma kontra l-invażjoni tal-Ukrajna, kif ukoll insista li hemm bżonn ta’ djalogu mar-Russja. 

L-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea wegħdu li jimponu għadd ta’ sanzjonijiet fuq ir-Russja iżda l-President Amerikan, Joe Biden, kien diġà ddikjara li mhuwiex se jibgħat suldati biex jiddefendu lill-Ukrajna. 

Biden kien ikkwotat jgħid li, “il-forzi tagħna mhumiex u mhux se jidħlu f’konflitt mar-Russja fl-Ukrajna. Il-forzi tagħna mhumiex sejrin lejn l-Ewropa biex jiġġieldu fl-Ukrajna, iżda sejrin biex jiddefendu l-alleati tagħna tan-NATO”.

Ekonomija

Sport