Nagħlqu din is-sena bl-att ta’ mħabba tal-fostering li bih familja tilqa’ tifel, tifla jew tfal huwa att altruwist li jagħmel ħafna ġid fis-soċjetà tagħna b’mod partikolari u dirett ma’ dawk inqas ixxurtjati. Is-servizz tal-fostering f’Malta offrut mill-Aġenzija Appoġġ jgħin lil ħafna koppji lokali fosthom żewġ koppji li aċċettaw li jaqsmu ma’ dan il-ġurnal din l-esprejenza sabiħa. Esperjenza li bħal kull ħaġa oħra mhiex ward u żgħar iżda, il-pożittiv li joħroġ minnha, jiżboq bil-ħafna l-isfidi li jistgħu jinqalgħu.
L-ewwel koppja, Alexia u Chris iffosterjaw tifla ċkejkna ftit tax-xhur ilu u saru jħobbuha daqs li kieku hija binthom tant li lesti jibqgħu magħha sakemm ikun hemm bżonn u saħansitra lesti li jaddottawha. L-istess fil-każ tat-tieni koppja li ffosterjaw tifel u l-familja “jadurawh”. Dawn il-familji, filwaqt li jħeġġu biex aktar koppji jitħajjru bħalhom u jiffosterjaw, waħda stqarret li mill-esperjenza tagħhom f’Malta għandna bżonn ta’ aktar għarfien dwar x’inhuwa fostering mentri t-tieni koppja tqajjem għarfien dwar xi diffikultajiet fil-proċess tal-qorti.
Il-fostering huwa esperjenza unika ta’ mħabba li mhux biss timla’ l-qalb tal-koppji li jixtiequ jesperjenzaw u jgħixu l-ferħ tat-trobbijja, imma anke ta’ dawn it-tfal stess li jibbenefikaw minn ambjent seren u stabbli ta’ familja u stabbiltà. Dawn huma l-intervisti, bl-ewwel waħda tkun mal-koppja Alexia u Chris:
X’wassalkom biex titħajjru għall-fostering? Kif sirtu tafu b’din l-opportunità?
Rajna reklam tal-Appoġġ u tħajjarna għall-fostering. Wara li għamilna kuntatt mal-Appoġġ ġejna direzzjonati għall-addozzjoni. Għamilna kors tal-addozzjoni iżda f’sentejn ma kellniex ‘match’. F’wieħed mis-’support groups’ li jorganizzaw l-Appoġġ iltqajna ma’ koppja li qegħdin jiffosterjaw u bis-saħħa tagħhom erġajna tħajjarna nesploraw il-fostering. Għamilna l-kors tal-fostering u issa qegħdin niffosterjaw tifla li għandha ftit iktar minn sena.
Kemm ilkom u beħsiebkom tibqgħu tiffosterjaw sakemm it-tifel jew tifla jsiru adulti?
It-tifla ngħaqdet magħna erba’ xhur ilu u beħsiebna nibqgħu magħha kemm hemm bżonn, anke naddottawha jekk ikun possibbli.
Titħajjru taddottaw lill-fostered child?
Iva nitħajru jekk dan ikun possibbli. Lit-tifla nqisuha bħala parti kbira mill-familja tagħna allura jekk ikun hemm iċ-ċans li naddottawha, nagħmlu dan anke għax dan iżid l-istabbiltà f’ħajjitha.
X’diffikultajiet issibu minn din l-esperjenza kemm fil-familja, kif ukoll fis-soċjetà?
Mill-familja insibu sapport b’saħħtu ħafna. Dan is-sapport nsibuh ukoll mis-servizzi tal-Appoġġ li huma ta’ sostenn importanti u ta’ serħan il-moħħ, b’tim ta’ professjonisti.
L-esperjenza mas-soċjetà ingenerali wkoll hija waħda pożittiva għalkemm kultant ikollok bżonn tispjega ftit iktar xi jfisser il-fostering u hemmhekk tinduna kemm hawn bżonn ta’ aktar għarfien ta’ x’inhuwa fil-verità l-fostering.
Taqblu li l-fostered child ikollu kuntatt mal-familja naturali? Għala?
Fil-każ tagħna t-tifla m’għandhiex kuntatt mal-ġenituri bijoloġiċi tagħha. Però, personalment aħna nemmnu li huwa tajjeb li jkollhom kuntatt mal-familja naturali għax dik hija parti kbira mill-istorja u l-identità tagħhom. Fil-fatt aħna nlaqqgħuha ma’ ħuha li huwa fostered f’familja oħra u beħsiebna nżommuhom f’kuntatt kemm nistgħu.
Tajjeb li fejn huwa possibbli, ikun hemm kuntatt mal-familja kollha. Imma, jekk dan b’xi mod ixekkel l-iżvilupp u l-benesseri tat-tfal, nemmnu li għandha tittieħed azzjoni immedjata. Jekk il-ġenituri naturali jkunu koperattivi u pożittivi fil-ħajja tat-tfal, dawn għandhom jibqgħu parti minn ħajjithom. Iżda, jekk ikun hemm iktar ċans ta’ ħsara milli ġid, dan il-kuntatt għandu jitnaqqas ħafna mill-iktar fis possibbli.
Jingħad li fil-fostering mhux kollox ward u żahar. Għalikom kif tħossu li hija din l-esperjenza s’issa?
Fid-dinja xejn m’huwa ward u żahar u daqstant ieħor il-fostering. Bħal kull trobbija oħra, għandha l-isfidi tagħha. L-iktar importanti huwa li jkun hemm it-tagħlim, is-sapport u li l-foster parents jaħdmu flimkien biex jagħtu l-aħjar esperjenza tal-ħajja lill-foster children tagħhom.
Fil-każ tagħna, s’issa, hija esperjenza sabiħa ħafna. It-tifla ssetiljat u dratna mill-ewwel għalkemm konna lesti għal bidu iebes b’ħafna biki u nuqqas ta’ rqad. Imma, fortunatament, kollox mar b’wiċċ il-gid u t-tifla ssetiljat mill-ewwel. Anke ż-żewġt iklieb tagħna drawha u hija drathom! Barra minnhekk għandna sapport kbir mill-familjari u l-ħbieb li wkoll jagħmilha iktar faċli biex l-esperjenza tkun waħda pożittiva.
Tħossu li dawn huma uliedkom? Kif iġibu ruħhom huma lejkom?
Iva, aħna nqisuha u nħobbuha bħala bintna! Mhux aħna biss, anke n-nanniet, iz-zijiet u l-kuġini jħobbuha mmens. Onestament kuljum nħossuna grati li qiegħda f’ħajjitna u għandna d-dinja biha. Il-fatt li ngħaqdet magħna f’età daqshekk żgħira forsi għenet fil-proċess li tidrana u tissetilja iktar malajr. S’issa tidher li anke hija tqisna bħala l-familja tagħha. Nimxu pass pass u ‘l quddiem naraw.
Iddeskrivu xi tħossu meta tkunu bħala familja mat-tifel jew tifla fostered u x’inhuma x-xewqat tagħkom għall-futur tagħhom.
Inħossu ferħ u sodisfazzjon li kemm nistgħu qegħdin nagħtu lil din it-tifla l-opportunità li tgħix ħajjtiha bl-aqwa mod u tilħaq dak kollu li tista’. Kemm jekk din it-tifla tirritorna mal-familja tagħha u anke jekk tibqa’ magħna, aħna nkunu parti importanti mit-trobbija tagħha u nkunu qegħdin nagħtuha opportunità li jkollha l-aqwa futur possibbli. J’alla li jiġri x’jiġri jkollha futur stabbli mimli mħabba, ferħ, hena u suċċess.
Messaġġ tagħkom għall-koppji hemm barra.
Aħna nissuġġerixxu lil nies u familji oħra biex ikunu ‘open’ kemm jistgħu biex jitgħallmu iktar dwar il-fostering, jagħmlu l-kors, imbagħad wara jaraw jekk jgħoddx għalihom jew le. Aħna konna ftit xettiċi u beżgħana għall-bidu iżda mbagħad il-kors weġbilna l-mistoqsijiet u t-tħassib li kellna.
Lill-familji li qegħdin jippruvaw jaddottaw ngħidulhom li bil-fostering ukoll jistgħu jkunu ta’ effett pożittiv fil-ħajja ta’ tifel jew tifla u jistgħu jagħmlulhom ħajjithom ħafna aħjar, kemm jekk b’mod permanenti jew anke jekk sempliċiment f’biċċa żgħira minn ħajjithom.