“Qassis li kien midħla tal-Istitut ta’ San Ġużepp – li llum hu maħrub minn Malta – kien ipoġġili wiċċi mal-parti privata tiegħu sakemm ‘jeħles’.”
Din l-allegazzjoni saret minn Noel Gauci, li mit-twelid għamel snin jgħix fl-Istitut ta’ Lourdes Home u wara fl-Istitut ta’ San Ġużepp f’Għajnsielem.
“Għaddejt minn ħafna tbatija u ħafna abbużi u sal-lum għadni bla ġustizzja. Ipprovajt kemm-il darba nwettaq suwiċidju, iżda bħal donnu Alla ried li nibqa’ ngħix… Kienu jsiru abbużi mhux fuqi biss… tista’ tgħid fuq kulħadd. Kien hemm erba’ kmamar u waħda minnhom kienet tiegħu (Tal-Qassis). Kien idaħħalna fiha u kien jagħmel l-abbużi fuqna. Dan kien isir fuq bażi kuljum,” allega Noel Gauci.
Noel waqt li kien qiegħed jitkellem magħna jagħti dettalji dwar affarijiet li seħħew daqslikieku seħħew ilbieraħ. Jiftakar ħafna dettalji ħafna minnhom xokkanti.
Jiddaħal f’Lourdes Home fl-1973
Il-vittma kien iddaħħal f’Lourdes Home fl-1973… kien għadu tarbija. Baqa’ jgħix hemm sas-sena 1984. Jgħidilna li kien spiċċa hemm wara li “ommi kienet abbandunatni u missieri ħadd ma kien jaf min hu. Minn hemm ‘il quddiem, mingħajr ma kelli l-ebda ħtija, ħajti kienet fdata f’idejn is-sorijiet.
Jgħidilna li t-tfulija tiegħu f’din id-dar kienet diffiċli mmens. Jallega li kienu jaqilgħu ħafna swat mingħand is-sorijiet. “Nista’ ngħid li aħna hemm ġew konna tfal imsawtin,” jallega Noel b’vuċi miksura filwaqt li anke kompla jagħtina aktar dettalji dwar dak li kien iseħħ.
“Kienu jagħtuna daqqiet bil-bokkli taċ-ċintorin u ġieli anke bl-ispallieri tal-injam. Kien hemm okkażjonijiet li anke ħarquli idi b’ħadida tal-mgħodija… u dan mhux meta konna nkunu mqarbin,” jallega Noel.
Kienu jitfgħuna f’gallinar tat-tiġieġ
Noel jgħidilna “s’issa dawk il-kastigi li għetlek kien meta nkunu kwieti… meta imbagħad konna nkunu mqarbin kienu jitfgħuna f’gallinar tat-tiġieġ u kienu jħalluna hemm għal diversi sigħat. Timmaġina tifel żgħira f’gallinar tat-tiġieġ?” jallega Noel.
Dawritli idi u kisritili
Noel ikompli jitkellem magħna fejn jirrakkonta affarijiet tal-biża’ li lanqas biss timmaġina.
“Jien kont tifel imqareb ħafna… u darba minnhom għamilt xi ħaġa ħażina u hekk kif sar il-ħin biex norqod kien hemm soru li qaltli biex ninżel għarkupptejja, qabditli idi tax-xellug u għawġithieli sakemm inkisret… Temmen li għaddejna minn dan kollu?,” ikompli jallega Noel f’intervista li ta lil dan il-ġurnal.
Ikompli jallega li l-istess soru kienet ħaditu l-isptar biex jagħmel il-ġibs, “u meta staqsewha kif ġara hekk, hi ivvintat storja. Jien kont għadu żgħir. Kelli biss xi 8 snin,” jallega Noel.
Ta’ 11-il sena ttieħed f’Dar San Ġużepp f’Għajnsielem
Noel jgħidilna li ta’ 11-il sena kienu qalulu li kien se jmur jgħix mas-subien, f’Istitut ftit ‘il bogħod minn fejn hemm Lourdes Home.
“Ħsibt li issa daqshekk swat, iżda minflok swat bdejt inlaqqat abbużi sesswali minn diversi saċerdoti… però wieħed minnhom b’mod partikolari,” jallega Noel filwaqt li magħna semma diversi saċerdoti li allegatament anke kienu jmorru fl-istatut biex imissu lit-tfal.
Fl-1991 jitkeċċa mill-Istitut
Noel jgħidilna li fl-1991 kien tkeċċa mill-Istitut u kien jgħix barra fit-triq l-aktar fl-inħawi ta’ Għajnsielem. “Meta kont ngħix fit-triq kont immur nittallab għal ikel il-Kurja u kien hemm qassis kien jgħidli itlaq ‘il barra għax se nġiblek il-Pulizija. Kont spiċċat niftaħ il-boroż is-suwed taż-żibel u nara xi nsib biex niekol,” jgħidilna Noel.
“Madwar 3 xhur wara li tkeċċejt kien sabni Fr Louis Bezzina – illum mejjet – li kien qalli li kien lest jirranġali biex immur ngħix ma’ persuna… Kien sabni quddiem l-Iskola Ninu Cremona fejn hemm dak tal-cafe faċċata tal-iskola. “Hu ġabarni mit-triq. Sabni u ġabarni. Kien ħadni ngħix f’appartament fic-CityPearl ma’ wieħed jismu Joseph,” jgħid Noel.
Ikompli jgħidilna li hu ma kellux flus. “Ma kelli xejn, lanqas biex inħallas il-kera tal-appartament. Iżda s-sid fuq is-sodda tal-mewt qalli l-kera tiegħek kollha maħfura,” jirrakkonta Noel.
Jgħidilna li meta kien f’dan iż-żmien hu kien imur dejjem jiekol l-OASI. “Kien hemm Dun Manwel Cordina li dejjem laqgħani b’idejh miftuħin. Kont immur kuljum niekol hemm. Dun Manwel Cordina għamel ħafna ġid miegħi. Domt ngħix f’dan l-appartament sal-1994 sakemm imbagħad inżilt Malta.”
Jistenna ġustizzja
B’qalb maqsuma Noel jgħidilna li llum għadda ħafna żmien, “iżda xorta għadni qed nistenna ġustizzja. L-allegati abbużi kienu ġew investigati minn Kummissjoni li kienet twaqqfet apposta dakinhar mill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech…” u Noel ikompli jallega li minkejja li din il-Kummissjoni sabet li dawn l-abbużi seħħew verament, sal-lum il-Knisja ma tat l-ebda soluzzjoni…
“Jien għadni qiegħed nistenna ġustizzja u nemmen li hemm ħafna tfal oħrajn jistennew ġustizzja,” itemm jgħid Noel.

