Waqt li kienet qed tindirizza l-attività politika organizzata mill-Partit Laburista biex tfakkar l-ewwel sena mir-rebaħ elettorali, il-Ministru Miriam Dalli qalet li qed naħdmu biex noffru futur isbaħ lill-uliedna.
Il-Ministru Dalli sostniet li hu ta’ sodisfazzjoni kbir li qed niċċelebbraw dan kollu fid-dar naturali tal-poplu Malti u Għawdxi.
Hi qalet li għaddiet l-ewwel sena, 12-il xahar li ma kienx hemm ġurnata li fiha ħdima biex intejbu l-ħajja tan-nies. Il-Ministru Dalli sostniet li dan il-Gvern ma jibżax mill-isfidi, u kull sfida li kien hemm quddiemna dejjem irbaħna, grazzi għal Prim Ministru Robert Abela u t-tim kollu tiegħu.
Dwar id-dikasteru tagħha qalet li waħda mill-akbar sfidi hi li nżommu l-kontijiet tal-enerġija stabbli. Il-Ministru sostniet li kull familja qed tiffranka 2,000 ewro fis-sena għax il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils baqgħu jinżammu stabbli.
Hi kompliet tgħid li pajjiżna ġie rikonoxxut għal ħdima kbira li qed jagħmel u l-passi l-kbar lejn is-sostennibilità. “L-ambizjoni tagħna hi li nkompli nsaħħu lil dan il-pajjiż u nibqgħu mexjin fid-direzzjoni t-tajba,” sostniet il-Ministru.
Dwar is-settur ambjentali qalet li l-ħidma kbira li qed issir qed tħalli r-riżultati. Hi sostniet li sfida oħra kienet l-immaniġjar tal-iskart fejn qed jittieħdu deċiżjonijiet li kulħadd kien jibża’ jieħu.
“Qed naħdmu biex inbiddlu l-iskart f’enerġija biex b’hekk inaqqsu kemm jista’ jkun l-użu tal-miżbliet. Irridu nkomplu naraw li l-iskart hu riżorsa u minnu nieħdu xi ħaġa,” qalet il-Ministru Dalli.
Hi fakkret fil-ħidma li saret mill-Ministeru li tmexxi hi fejn infetħu reuse centre, sar tibdil fil-ġbir tal-iskart fost affarijiet oħrajn. Hi fakkret li kieku bqajna bil-politika tal-Partit Nazzjonalista kienu qegħdin naraw liema komunità se tbati biex nagħmlu miżnla oħra… “aħna minflok qed naraw liema komunità se tgawdi biex noffru spazju miftuħ għal pubbliku.”