Sunday, February 2, 2025

Kull ġurnata l-Gvern se jwettaq iktar sabiex jirbaħ is-sewwa

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li l-poplu Malti dejjem juri reżiljenza u fejn jidħol it-tkabbir ekonomiku mhux talli Malta għadha l-aqwa fl-Ewropa, talli llum qegħdin f’sitwazzjoni li dak it-tkabbir huwa mas-sitt darbiet aktar mill-medja Ewropea. 

Meta kien qed jindirizza attività politika, Dr Abela kkwota r-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) dwar Malta, u qal li l-esperti qed imeru dak li qed jgħid il-Partit Nazzjonalista dwar l-ekonomija.  Sostna li l-esperti tal-IMF qed jgħidu li Malta għandna riżultati eċċezzjonali, bil-ħolqien ta’ niċeċ ekonomiċi li jħallu valur miżjud u karrieri ta’ kwalità għaż-żgħażagħ u l-familji tagħna.

Semma kif minn dan ix-xahar il-Gvern qed iwettaq l-ikbar tax cut fl-istorja ta’ pajjiżna, żieda fiċ-children’s allowance, u żieda fil-pagi tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku fost miżuri oħrajn li qed jidħlu fis-seħħ din is-sena bħala parti mill-Budget 2025, taxxi inqas u pagi ogħla.

Dr Abela saħaq li l-fiduċja tan-nies f’dan il-moviment qed tissarraf mill-Gvern f’aktar ħidma.  Sostna li bis-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin se nibqgħu l-aqwa ekonomija fl-Ewropa, u m’għandna nħallu lil ħadd jaqtalna qalbna.  Appella biex nibqgħu nemmnu f’pajjiżna, u kull ġurnata li tgħaddi l-Gvern se jibqa’ jwettaq iktar, biex jirbaħ is-sewwa. 

Dr Abela qal li l-Gvern ħabbar ir-riforma fl-inkjesti maġisterjali biex tissaħħaħ il-governanza tajba u s-saltna tad-dritt.  Spjega li l-ġustizzja mhux qegħda hemm għall-elitisti biex jużawha ħalli jżommu l-Pulizija bogħod minn biebhom, u jixħtuha nġustament wara bieb ħaddieħor.  Qal li bħala l-partit tal-ħaddiema, Gvern Laburista se jara li l-ġustizzja tkun l-istess għal kulħadd. 

Il-Prim Ministru rrimarka li l-qafas legali attwali skada u ilu wisq ikisser ħajjiet ta’ nies innoċenti u negozji serji għax kien hemm min abbuża minnu.  Spjega kif bir-riforma se jsiru salvagwardji biex min jigdeb u jikkalunja n-nies u n-negozji b’mod malinn irid iwieġeb hu, u jħallas hu, talli xeħet nies innoċenti f’bir tas-skieken għal snin.  Qal li l-abbuż mill-ġustizzja huwa l-akbar għadu tas-saltna tad-dritt, u l-aqwa prova tal-ħtieġa ta’ din ir-riforma ngħatat mill-forzi estremisti tal-PN. 

Semma kif waqt li kien qed jitkellem fil-Parlament id-deputat Laburista Carmelo Abela, flok għamillu apoloġija d-deputat mill-fazzjoni estremista tal-PN, infexx jidħak bih quddiemu.  Il-Prim Ministru qal li din hija kattiverija u tixhed kemm il-PN huwa perikoluż mingħajr il-poter, aħseb u ara bil-poter f’idejh. 

Il-Prim Ministru qal li r-riforma fl-inkjesti hija favur li l-vittmi ta’ reati u qrabathom ikollhom drittijiet ġodda li jkunu jafu x’qed jiġri dwar il-każ tagħhom, fosthom anke qraba ta’ vittmi f’inċidenti tat-traffiku.  Irrefera wkoll għall-ħtieġa li fejn jidħlu l-esperti, tiddaħħal it-trasparenza u jkun hemm iktar kontabilità. 

Dr Abela qal li għal-PN meta kien fil-Gvern, in-nofsinhar tal-pajjiż kien qisu biss għall-proġetti li ma riedhom ħadd ħdejh.  Spjega li Gvern Laburista se jkompli  jsebbaħ il-lokalità ta’ Birżebbuġa bi proġett ta’ €12-il miljun, investiment li qal se jsir wara li ngħalaq darba għal dejjem l-impjant li kien jintuża għall-ħażna tal-fuel.  Elenka bosta proġetti oħra li qed isiru f’Birżebbuġa li ġew imwegħda mill-Partit Laburista u li se jitwettqu mill-Gvern u ħabbar li Gvern Laburista se jagħti lura l-Forti ta’ Bengħajsa, li kienet okkupata llegalment. 

L-attività kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg u l-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport