Monday, December 23, 2024

“Kull ħaddiem għandu jkollu post tax-xogħol sigur”

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi

Aqra wkoll

Waqt konferenza fl-okkażjoni tal-20 anniversarju mit-twaqqif tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-ebda ħaddiem m’għandu jkollu ħajtu f’riskju fuq il-post tax-xogħol. Kull ħaddiem għandu jkollu post tax-xogħol sigur u huwa obbligat li jsegwi r-regoli tas-saħħa u s-sigurtà.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li l-istakeholders kollha għandhom ir-responsabbiltà biex flimkien irawmu kultura favur aktar saħħa u sigurtà fil-postijiet tax-xogħol. Għal 20 sena sħaħ, l-OHSA kienet fuq quddiem nett ta’ din il-missjoni.

Huwa radd ħajr lil dawk kollha li f’dawn is-snin ħadmu biex ikun regolat dan il-qasam, partikularment dawk li 20 sena ilu welldu din l-awtorità u lil dawk kollha li f’dawn is-snin taw servizz impekkabbli lill-awtorità u lis-soċjetà inġenerali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Dr Mark Gauci tkellem dwar l-għarfien li l-awtorità rnexxielha toħloq fuq is-saħħa u s-sigurtà bil-ħidma tagħha fl-aħħar 20 sena u kif studji xjentifiċi qed juru li l-inċidenti fil-fatt naqsu.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi żied jgħid li f’dinja mgħaġġla fejn iż-żmien ifisser flus, il-pressjonijiet ikunu kbar u d-dettalji jitqiesu bħala tfixkil għall-effiċjenza. Wieħed ma jridx jiġġeneralizza meta jitkellem dwar kif min iħaddem jittratta s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol imma hemm okkażjonijiet fejn il-ħaddiema wkoll ma josservawx regoli ta’ sigurtà fil-post tax-xogħol tagħhom.

“Jeħtieġ li jkollna kultura li tagħti valur lill-prevenzjoni mhux il-kura, u din il-kultura tmur lil hinn mill-post tax-xogħol. Jeħtieġ li jkollna l-edukazzjoni dwar is-suġġett għax mhux kulħadd huwa infurmat fuq id-drittijiet u d-dmirijiet tiegħu jew tagħha.”

Il-ministru saħaq li x-xogħol tal-OHSA huwa ċentrali biex tagħti l-informazzjoni t-tajba lil min iħaddem u lill-ħaddiema. Iżda s-saħħa u s-sigurtà mhumiex ix-xogħol biss li tagħmel l-OHSA. Barra l-importanza tal-edukazzjoni u l-kollaborazzjoni f’dan il-qasam hemm ukoll l-aspett importanti l-ieħor, dak tal-infurzar li huwa ċentrali u kruċjali fid-dinja tax-xogħol.

Ix-xogħol b’reqqa li wettqet l-OHSA jista’ jinħass fis-setturi kollha tad-dinja tax-xogħol u għandna nżidu l-isforzi tagħna biex l-għadd ta’ aċċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol jonqsu. Min-naħa tiegħu, il-gvern se jibqa’ jagħti l-appoġġ kollu tiegħu lill-awtorità kemm biex tagħti aktar informazzjoni u anke biex tadatta ruħha biex ix-xogħol tagħha jkun effettiv fid-dinja tal-lum.

Matul il-konferenza, diversi kelliema Maltin u barranin tkellmu dwar il-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol. Rappreżentanti mill-korpi kostitwiti u mit-trade unions ħadu sehem f’diskussjoni dwar is-suġġett flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Dr Mark Gauci, li rċieva wkoll tifkira mingħand il-Ministru Zrinzo Azzopardi għas-servizz li ta lill-awtorità fl-aħħar għoxrin sena.

Ekonomija

Sport