Saturday, December 28, 2024

KULL ĦADDIEM JIXRAQLU KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL TAJBIN

Aqra wkoll

L-azzjoni ta’ waqfien mix-xogħol li ttieħdet ftit tal-jiem ilu minn għadd ta’ ħaddiema tal-Bolt li jwasslu l-ikel madwar ilpajjiż bħala protesta kontra l-ħlas baxx li qalu qed jingħataw minn din il-pjattaforma, wasslet għal reazzjoni qawwija minn bosta tant li anke l-General Workers’ Union daħlet fix-xena meta ħarġet tinsisti fuq l-importanza li dawn il-ħaddiema għandu jkollhom kundizzjonijiet xierqa tax-xogħol.

Kien hemm ukoll dikjarazzjonijiet oħra fosthom milll-Ministru għas-Sigurtà, l-Intern u x-Xogħol Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul li ħeġġew lil dawn il-ħaddiema sabiex jingħaqdu f’unjin sabiex b’hekk jissieltu għal kundizzjonijiet aħjar.

Għalhekk, dawn il-ħaddiema hemm bżonn li jifhmu li sħubija fit-trejdunjin biss tista’ tipprovdilhom l-appoġġ u r-rappreżentanza meħtieġa biex id-drittijiet tagħhom ikunu mħarsa.

Jidher illi mill-jum tal-protesta, kien hemm żviluppi importanti fejn anke saru laqgħat ma’ dawn il-ħaddiema li minn jeddhom resqu ’l quddiem biex jgħidu dak li qed jgħaddu minnu fil-ġurnata tax-xogħol tagħhom. Minn dawn illaqgħat ħareġ kif uħud mill-ħaddiema allegatament kienu qegħdin jitħallsu inqas minn dak
li tipprovdi l-liġi, ċoè l-paga minima.

Oħrajn qalu li kienu qed jitħallsu kummissjoni biss li hija waħda miżera u biex ilaħħqu paga ta’ €1,100 fix-xahar iridu jaħdmu mill-inqas 16-il siegħa kuljum. Fl-isfond ta’ dawn l-allegati abbużi, il-GWU talbet ġustifikament sabiex ikun hemm aktar viġilanza u infurzar fuq min għadu qed jabbuża.

Nemmnu li abbużi bħal dawn m’għandhomx ikunu tollerati. Dawn il-ħaddiema jixirqilhom rispett u dinjità għax-xogħol li qegħdin jagħmlu, irrispettivament jekk humiex ħaddiema Maltin jew barranin.

Bħalma dejjem għamlet, il-General Workers’ Union se tkun qiegħda tiddefendi
d-drittijiet u d-dinjità ta’ dawn il-ħaddiema bil-mezzi kollha li tipprovdi l-liġi. Sadanittant, fil-Parlament, il-Ministru Camilleri informa lill-Kamra li l-ġimgħa li għaddiet il-JobsPlus kellha laqgħa mal-pjattaforma li għalkemm hi ma timpjegax direttament lil dawn il-ħaddiema iżda jaħdmu fuqha l-employers u lħaddiema.

Minn kif ingħad jidher li dawn l-employers lesti jikkollaboraw mhux biss billi jipprovdu l-informazzjoni kollha mitluba lilhom iżda li huma stess jaqbdu u jwaqqfu kwalunkwe employer li jaħsbu li mhux qed jonora d-drittijiet
tal-ħaddiema f’pajjiżna.

Jeħtieġ għalhekk li l-investigazzjonijiet jissoktaw sabiex kwalunkwe allegazzjoni ta’ abbuż li jista’ jkun hemm dwar persuni li ma jkunux qed jiġu osservati d-drittijiet tagħhom, anke dawk bażiċi, ma tibqax tollerata u ma titħalliex tibqa’ għaddejja.

Ekonomija

Sport