Ftit tal-jiem ilu, madwar id-dinja ġie ċċelebrat il-jum iddedikat għall-għarfien dwar l-awtiżmu. Bit-tema għal din is-sena tkun “Kull Ħajja Għandha Valur”. U din it-tema fil-fehma tagħna tinkorpora fiha dak kollu li ilna nisħqu dwaru minn dawn il-kolonni. L-inklużjoni. L-għoti tal-opportunitajiet. Il-ħarsien tad-dinjità u l-valur tal-individwi li qegħdin fuq l-ispettru tal-awtiżmu. Fuq kollox il-kompassjoni li għandu jkun hemm lejn persuni fuq il-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu u anke lil dawk kollha li jieħdu ħsiebhom.
Dan għaliex mhux darba jew tnejn li smajna b’każijiet fejn ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmu jirrakkontaw l-esperjenzi ta’ dak li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum, ta’ kif ħaddieħor iħares lejhom jew lejn il-wild tagħhom bl-awtiżmu.
B’xorti tajba f’pajjiżna, illum hawn ħafna aktar għarfien dwar il-kundizzjoni tal-awtiżmu. Mhux hekk biss. Imma żdiedu wkoll is-servizzi ta’ sostenn u l-proġetti differenti bħal kmamar multi-sensorjali li huma ta’ wens kbir għal persuni b’awtiżmu.
U f’dan ir-rigward, ma nistgħux ma nsemmux kif xejn inqas minn 90 tifel u tifla diġà bbenefikaw mill-iskema ta’ SensAbbiltà, li tipprovdi fondi għal ħolqien ta’ kmamar sensorjali għal dawk bi sfidi sensorjali bħall-awtiżmu.
Iżda lil hinn mill-“għarfien”, illum qed nitkellmu aktar fuq l-aċċettazzjoni, l-inklużjoni u t-tisħiħ tal-individwu. Dawn l-aspetti jgħinu biex jintlaħaq żvilupp kbir. Dan qegħdin narawh ukoll bi programmi speċifiċi li jiffokaw fuq it-titjib tal-interazzjoni soċjali u l-ħiliet fil-ħajja ta’ kuljum.
Filwaqt li l-identifikazzjoni tal-awtiżmu f’età bikrija hija kruċjali biex jiġu indirizzati sfidi fil-fażi tal-iżvilupp, fl-età adulta dawn il-persuni xorta jibqgħu jeħtieġu appoġġ tul ħajjithom kollha hekk kif jiltaqgħu ma’ sfidi f’aspetti differenti fil-ħajja, fosthom l-edukazzjoni, l-impjiegi, relazzjonijiet u ħajja indipendenti.
Nilqgħu għalhekk kull impenn li qed isir biex ikompli jiġi assigurat li din l-assistenza tibqa’ tingħata fl-istess waqt li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. Dan għaliex fl-aħħar mill-aħħar, li nħaddnu kultura aktar aċċessibbli hi ta’ benefiċċju mhux biss għal persuni b’awtiżmu iżda tagħmel is-soċjetà tagħna waħda aktar rikka fis-solidarjetà ta’ bejnietna.

