Monday, January 26, 2026

“Kull inizjattiva u sforz li jixprunaw ’il quddiem il-paċi u d-djalogu għandhom ikunu sostnuti”- il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

“Fi żminijiet ta’ inċertezza u tensjonijiet globali, pajjiżna jibqa’ jemmen li għandu jkun hemm rispett sħiħ lejn il-prinċipji tal-integrità territorjali u tas-sovranità nazzjonali. Allura tennejt li l-futur ta’ Greenland irid ikun iddeterminat min-nies ta’ Greenland u mir-Renju tad-Danimarka. Filwaqt li lqajt ukoll id-diskussjonijiet li wasslu għall-iżvilupp pożittiv u t-tħabbira ta’ de-eskalazzjoni mill-President Trump, sħaqt li t-triq ’il quddiem tibqa’ dik tad-djalogu.

“Urejt b’mod ċar li l-preferenza ta’ pajjiżna hija li għandu jsir kull sforz possibbli f’din id-direzzjoni u biex jintensifika l-kuntatt mal-Istati Uniti qabel nimxu ’l quddiem b’xi forma ta’ miżura addizzjonali li tkompli żżid it-tensjonijiet. Naturalment, ma jfissirx li aħna bħala Unjoni Ewropea m’għandniex nkunu mħejjija għal kull eventwalità, però nemmen bis-sħiħ li dawn huma l-mumenti li jiddefinuna, il-mumenti li jafu jibdlu l-istorja kompletament.”

Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fi Stqarrija Ministerjali li għamel fil-Parlament b’rabta mal-Laqgħa Informali Straordinarja tal-Kunsill Ewropew, li saret il-Ħamis li għadda fi Brussell. 

Dr Abela stqarr li kif wieħed seta’ jinnota, hu kien kawt u meqjus ħafna f’dak li qal fil-jiem ta’ qabel din il-laqgħa, mhux għax pajjiżna ma jinteressahx u mhux solidali ma’ Greenland u mad-Danimarka “kif hawn min ipprova jġibha tidher,” iżda għaliex ir-responsabbiltà hekk titlob. 

Qal li “f’din il-laqgħa enfasizzajt li f’din il-fażi sensittiva hemm bżonn li l-komunikazzjoni tkun meqjusa u kull pass u azzjoni jkunu meħuda b’responsabbiltà. Din żgur mhux kwistjoni mitmuma, anzi nemmen illi l-ġimgħat li ġejjin se jkunu aktar sensittivi, u dan ifisser li rridu nkunu meqjusa ħafna fi kliemna, meqjusa fl-azzjonijiet tagħna u li konsistentement nifhmu li qegħdin inħarsu lejn sitwazzjoni ġeopolitika li d-dinja ma ratx bħala fl-aħħar għexieren ta’ snin.”

Il-Prim Ministru qal li dan ifisser li kollettivament bħala Unjoni Ewropea għandna responsabbiltà u rridu nkunu attenti ħafna f’dak kollu li nagħmlu, u rridu naġixxu b’maturità u b’responsabbiltà sabiex ma nagħmlu xejn li jista’ jeskala t-tensjonijiet jew inpoġġu lilna nfusna taħt pressjoni.

Huwa kompla jgħid li l-Gvern se jibqa’ jitkellem meta għandu jitkellem filwaqt li jkun responsabbli fil-messaġġi li jgħaddi. “Iva, aħna favur ir-rispett sħiħ lejn il-liġi internazzjonali u lejn il-ħtieġa li jkun hemm rispett reċiproku bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, mibni fuq djalogu u fuq koperazzjoni li tmur lil hinn minn relazzjoni kummerċjali. Relazzjoni transatlantika b’saħħitha hija kruċjali u bżonnjuża għaż-żamma tal-ordni globali, u minkejja li qegħdin fi żmien turbulenti, ma jfissirx li kulħadd għandu jfajjar il-kliem bl-addoċċ.”

Dwar il-ħolqien tal-Bord tal-Paċi, il-Prim Ministru nnota li l-Unjoni Ewropea, kif ukoll numru ta’ Stati Membri, ġew mistiedna biex jingħaqdu f’dan il-bord, però sa issa kienu żewġ Stati Membri biss li ssieħbu, jiġifieri l-Ungerija u l-Bulgarija. Qal li l-qofol tad-diskussjoni kien proprju dwar il-passi li trid tieħu l-UE u d-deċiżjoni dwar is-sħubija.

Il-Prim Ministru qal li hu ċar li l-maġġoranza għadha ma ffurmatx opinjoni finali dwar dan, anke għaliex hemm analiżi li trid issir dwar numru ta’ elementi, inkluż il-governanza, l-għanijiet ta’ dan il-Bord u l-kompatibilità maċ-Charter tan-Nazzjonijiet Uniti. Madanakollu, hemm qbil ġenerali li l-Unjoni Ewropea għandha taħdem mal-Istati Uniti fuq l-implimentazzjoni tal-pjan tal-paċi f’Gaża.

U f’dan ir-rigward, il-Prim Ministru qal li l-messaġġ tiegħu kien għal darb’oħra favur li jibqgħu miftuħin għad-djalogu u koperazzjoni mal-Istati Uniti. “Nemmen li dan il-bord għandna nħarsu lejh mhux neċessarjament biex l-Unjoni Ewropea u l-istati membri kollha jingħaqdu fih immedjatament, imma għandna narawh bħala opportunità, u minflok ikun punt ta’ diverġenza għandna naraw li nużawh bħala punt ta’ konverġenza mal-Istati Uniti.”

“Jiena nemmen, li kull inizjattiva u kull sforz li jixprunaw ’il quddiem il-paċi u d-djalogu għandhom ikunu sostnuti, ġejjin minn fejn ġejjin. Jekk irridu nassiguraw progress f’din l-aġenda tal-paċi, irridu nħarsu lejn din l-inizzjattiva wkoll bi pragmatiżmu u nipparteċipaw f’diskussjoni kostruttiva. Għaldaqstant, inħares ‘il quddiem li fil-ġimgħat li ġejjin, inkomplu niddiskutu din l-inizjattiva u nanalizzaw konkretament x’jista’ jkun il-kontribut ta’ pajjiżna u kif ukoll tal-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni hija ċara: dik li l-futur ta’ Greenland għandu jiġi deċiż mill-poplu tiegħu stess f’konformità sħiħa mal-qafas kostituzzjonali u legali li jirregola r-relazzjoni tiegħu mad-Danimarka. Qal li dan għandu jsir b’mod paċifiku u demokratiku fi ħdan is-Saltna tad-Dritt.

Dr Borg tenna li l-Ewropa u l-komunità internazzjonali għandhom jibqgħu sodi b’mod speċjali f’mumenti daqstant deċiżivi u delikati u jkomplu jħarsu l-prinċipji stabbiliti min-Nazzjonijiet Uniti, ir-rispett assolut lejn is-sovranità tal-istati u l-integrità territorjali tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport