Tuesday, May 14, 2024

“Kull membru issa qed iħossu mhedded li jekk xi ħaġa ma togħġobx lill-Bord, taqa’ l-giljottina fuqu wkoll”

Aqra wkoll

Ftit tal-ħin ilu għadha kif ħarġet ittra miftuħa mill-membri tal-istaff tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir wara li lbieraħ saret it-tkeċċija tas-Sur Mario Mallia.

Huma qalu li bħala membri jikkundannaw it-tkeċċija inġusta tas-Sur Mario Mallia minn Kap tal-Iskola. Il-kollegi tiegħu sostnew li f’dawn l-aħħar sbatax-il sena, is-Sur Mario Mallia mhux talli mexxa l-iskola b’għaqal, b’sens ta’ ġustizzja u bi spirtu demokratiku, talli taħt it-tmexxija tiegħu. din l-iskola saret punt ta’ riferiment għall-ideali li jħaddnu, għall-pożizzjonijiet b’saħħithom li ħadu favur l-inklużjoni ta’ min hu mwarrab, favur sistema edukattiva iktar ġusta, għall-involviment fl-isfera pubblika dwar diversi kwistjonijiet. 

Il-kollegi tiegħu ddeskrivu lis-Sur Mallia bħala persuna li kien ferm attiv fid-diversi oqsma edukattivi u ta kontribut b’saħħtu biex dan il-qasam jimxi ’l quddiem. 

Huma qalu wkoll kif f’din l-aħħar sena twaqqaf Bord li kien imsejjes fuq numru ta’ pedamenti problematiċi, fosthom li l-istaff ma jistax ikun jaf x’ikun ġie diskuss waqt il-laqgħat tal-Bord u li l-Kap tal-Iskola ma jistax jattendi għal-laqgħat. Meta l-Bord iddeċieda li jitkeċċa l-Kap tal-Iskola, ma mexiex lanqas ma’ prinċipju l-iktar bażiku ta’ ġustizzja … li jisma’ lil kull min hu involut. 

Dan kollu, mhux biss hu att inġust ma’ bniedem ġust għal raġunijiet oskuri ħafna, imma jitfa’ lill-bqija tal-istaff f’inċertezza kbira. Kull membru tal-istaff issa qed iħossu mhedded li jekk xi ħaġa ma togħġobx lill-Bord, jew lir-rettur, jew lil ħaddieħor li jitfa’ n-nar imbagħad jaħbi idu, taqa’ l-giljottina fuqu wkoll. Din aħbar kerha wkoll għall-istudenti, ġenituri, eks-studenti u l-ġenituri tagħhom ta’ San Albert li f’diin l-skola sabu spazju għall-vuċi, il-kreattività tagħhom u l-personalità tagħhom. Fl-aħħar u mhux l-inqas, din hi sħaba sewda wkoll għall-qasam edukattiv f’pajjiżna. 

Huma għalqu din l-ittra billi talbu xi affarijiet fosthom biex minn għada s-Sur Mario Mallia jerġa’ jkun il-Kap tal-Kulleġġ San Albert u li jingħata l-poter kollu ta’ Kap ta’ Skola.

Sport