Tuesday, August 26, 2025

‘Kull min għandu għal qalbu l-isparar, ngħidlu ma jaqtax qalbu u jagħmel il-pass’ – Jean Pierre Coleiro

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isparar?

L-imħabba tiegħi lejn l-isparar tista’ tgħid li bdiet meta kont għadni tifel żgħir, fejn kont immur ma’ missieri jew maz-zijiet narahom jisparaw għall-plattini jew inkella għall-kaċċa. Kien minn hemm meta minn ta’ etá żgħira bdejt nisprara għall-plattini, dik li aħna nsibuha bħala d-dritta. Kien imbagħad fi żmien il-pandemija tal-COVID-19 li tħajjart nibda nispara fid-dixxiplina tat-Trap, wara li kont imħeġġeġ nagħmel dan minn xi ħbieb tiegħi. 

X’unuri maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Bdejt nieħu interess mill-bidu nett fuq din id-dixxiplina u bdejt nieħu kollox bis-serjetá biex navvanza. Wara ftit zmien li bdejt fuq it-trap għall-ħabta ta’ Settembru tal-2023 kien tefa’ l-attenzjoni fuqi, il-kowċ Dr James Galea, li għadu kowċ personali tiegħi sal-lum. Tista’ tgħid li taħt il-gwida tiegħu, għamilt avvanzi kbar f’din id-dixxiplina, Flimkien ukoll taħt it-tmexxija tal-kowċ nazzjonali tat-Trap Antonello Iezzi, f’Mejju tal-2024 kont ikkwalifikajt u ġejt magħżul biex għall-ewwel darba nieħu sehem fit-Tazza tad-Dinja li kienet saret ġewwa Baku fl-Azerbaijan li fiha kont ikkwalifikajt fl-64 post minn madwar 150 tiraturi oħra minn madwar id-dinja. Barra minn hekk, ġejt fit-tielet post overall fil-Grand Prix ta’ Santa Marija li sar Ħal Far fil-jiem li għaddew.

X’tikkummenta fuq il-livell tat-trap f’pajjiżna fil-preżent?

Esperjenzi oħra li kelli barra l-pajjiż kienu darbtejn ġewwa Todi fl-2022 u l-2023 fejn kont ħadt sehem fl-Italian Open u proprju s-sena l-oħra kont ħadt sehem fil-Grand Prix tal-Mediterran li kien sar ġewwa Sqalija, li fih kont ikkwalifikajt fit-tieni post fil-kategorija ta’ man id.

U dak tar-riżorsi fejn tittrenjaw u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Fuq livell nazzjonali l-isparar hawn Malta hu limitat, għall-fatt li l-atleti mhumiex fuq livell profesjonali fuq l-isparar bħal attleti minn pajjiżi oħra li xogħolhom kważi jkun sparar biss. Peró, għalkemm aħna limitati fuq dan l-aspett xorta kapaċi nġibu riżultatti tajbin barra minn xtuttna. Għalhekk nemmen li  huwa importanti li jibqa’ jsir iżjed investiment fejn jidħlu l-atleti, kif ukoll il-faċilitajiet fejn isir l-isparar hawn Malta.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-trap?

Fuq livell personali bħalissa qed inkompli naħdem ħafna mal-kowċis tiegħi biex inkompli miexi ‘l quddiem, wara li din l-aħħar sena ma kinitx waħda faċli għalija, minħabba ċirkostanzi li ma kellix kontroll fuqhom. Biss grazzi għan-nies li emmnu fija erġajt qed nimxi ‘l quddiem. L-importanti fil-ħajja li qatt ma taqta’ qalbek fuq xi ħaġa li temmen li kapaċi tasal. Issa għandi żewġ impenji barra minn Malta, it-tnejn li huma ġewwa l-Italja. L-ewwel waħda hi l-Italian Open Green Cup li ħa ssir f’Lulju, u f’Awwissu ħa nkun qed nieħu sehem ġo Grand Prix.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-isparar.

Nagħlaq billi ngħid li jien bdejt l-isparar fuq it-trap, proprju erba’ snin ilu meta kelli 35 sena. Ma jiddispjaċini xejn li għamilt dan il-pass. Għalhekk kull min għandu għal qalbu l-isparar jew forsi jixtieq jibda f’waħda mid dixxiplini tal-isparar, ngħidlu ma jaqtax qalbu u jagħmel il-pass, kemm għal min għadu żgħir u anke għal min hu ikbar!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport