Saturday, April 19, 2025

Kull min għandu ħolma għandu jaħdem għaliha, u b’xi mod jew ieħor, jasal fejn jixtieq – Ryan Fenech

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn dejjem kont nara kif nagħmel meta kont tifel biex inkun involut bil-ballun, u tista’ tgħid li bħal ħafna, il-ballun kienet l-aktar logħba popolari … l-imħabba tal-futbol tkun ġo fik. 

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala plejer mimlija suċċessi.

Ħolma ta’ tifel li kont immur insegwi l-partiti f’Ta’ Qali, ħolma li kelli x-xorti li nesperjenza fl-ogħla livell tal-futbol Malti. Fil-qosor, esperjenza li għamlitni dak li jien illum.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala assistant coach ma’ Marsa FC.

L-esperjenza tiegħi bħala assistant coach ma’ Marsa bdiet madwar xahrejn ilu. U għalkemm ir-riżultati ma kinux eżatt kif xtaqna, inħossni kuntent, għax minn dawn is-sitwazzjonijiet tibqa’ titgħallem u tikber.

X’differenza hemm bejn li tkun plejer u kowċ?

Hemm ħafna differenza. Bħala kowċ, il-preparamenti huma ħafna aktar intensi u varjati. Bħala plejer, il-preparazzjoni għat-training u għall-logħba hija xi ħaġa li kull plejer jagħmel b’mod personali. Imma bħala kowċ, trid taħseb għal kulħadd, tippjana u timmanġġja diversi aspetti – allura l-esperjenza hija kompletament differenti.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

Kif għidt qabel, ma’ Marsa FC ġejt xahrejn ilu. F’dan iż-żmien nista’ ngħid li minkejja d-diffikultajiet li sab il-klabb, il-plejers taw kollox u għamlu dak kollu possibbli. Sfortunatament, dan ma kienx biżżejjed biex niksbu r-riżultati mixtieqa.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Naħseb li l-livell għola, iżda nemmen li bl-involviment ta’ ħafna plejers barranin, dan waħdu mhux biżżejjed biex it-titjib fil-logħba jibqa’ għaddej b’mod sostenibbli.

U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Nemmen li huma sodisfaċenti, għalkemm dejjem hemm lok għal titjib – speċjalment jekk irridu nibqgħu ntejbu l-esperjenza kemm għall-plejers kif ukoll għall-partitarji.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-futbol huwa xi ħaġa li nħobb wisq. Nemmen li l-futur tiegħi fih nara bħala sfida — pass pass, nipprova nagħti l-kontribut tiegħi kif naħseb li hu l-aħjar.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Biex tkun ta’ suċċess, trid tgħaddi minn ħafna tlugħ u inżul. Imma l-messaġġ tiegħi hu wieħed ċar – kull min għandu ħolma għandu jaħdem għaliha, u b’xi mod jew ieħor, jasal fejn jixtieq!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport