Friday, December 5, 2025

‘Kull min irid jilħaq il-potenzjal tiegħu fil-futbol għandu jkollu l-kuraġġ joħlom’ – Owen Bugeja

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Nadur Youngsters FC, fejn int ukoll captain.

Li tkun captain tal-iktar tim b’unuri, magħruf u b’storja unika fil-gżira Għawdxija mhijiex xi ħaġa li kulħadd ikollu ċ-ċans jesperjenza, speċjalment fl-età tiegħi. Dan l-irwol iġib miegħu dedikazzjoni, impenn u responsabbiltà kbira.

Dawn il-valuri ma skoprejthomx issa; kelli x-xorti nesperjenzahom mingħand dawk kollha ta’ qabli – kowċis u plejers – speċjalment minn dawk li libsu din l-istess faxxa. Dejjem kelli l-ħolma li nilbes il-faxxa mat-tim tal-kbar, mhux biss biex inkun protagonist fit-tim, imma għax nemmen li nista’ nkun ta’ eżempju għall-oħrajn, ngħinhom jilħqu l-potenzjal tagħhom u nkun spalla għalihom, kif kienu ta’ qabli għalija.


L-esperjenza bil-faxxa ta’ captain ma’ Nadur Youngsters ma ġietx biss din is-sena; ġiet ukoll wkoll mat-timijiet tal-Minors u tal-U15. Għalhekk nista’ ngħid li l-iżvilupp tiegħi, mhux biss bħala player iżda wkoll bħala persuna, kiber ħafna matul is-snin, u qed nħares ’il quddiem biex nitgħallem aktar dwar kif nista’ noffri l-aqwa tiegħi f’dan l-irwol.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

Jekk inħarsu lura lejn il-bidu tal-istaġun, minn meta ltqajna għall-ewwel darba bħala tim, ħassejtni sodisfatt u eċitat li se nkun parti minn dan l-istess tim. Huwa tim żagħżugħ, ambizzjuż, mixtieq għall-unuri u fuq kollox lest li jaffaċċja kull sfida.

Kellna pre-season tajjeb ħafna grazzi għall-coaches li ħejjew kollox mill-aħjar. S’issa urejna li kapaċi mhux biss nagħtu logħba lil kulħadd imma wkoll intellfu punti lill- kulħadd. Għalkemm kellna sensiela ta’ riżultati li forsi mhux dejjem kienu pożittivi f’termini ta’ skor, bħala tim tajna u se nkomplu nagħtu prestazzjonijiet ta’ livell għoli għal futbol Għawdxi. Nemmen li meta jasal il-ħin inkunu hemm mal-ewwel timijiet fil-quċċata tal-klassifika.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragwardi tagħna huma li nitjiebu u nilħqu l-potenzjal tagħna individwalment biex bħala tim inkunu nistgħu nżommu mal-ewwel postijiet tal-klassifika. Huwa żgur li se nkunu qed nikkompetu għal kull tazza fil-futbol Għawdxi, kif għamilna s-sena l-oħra meta ksibna t-tieni post fil-kampjonat u irbaħna l-GFA Cup wara staġun difficli imma fl-aħħar mill-aħħar memorabbli.


Persważ li l-kowċis, il-plejers u l-klabb kollha qed jemmnu li din is-sena nistgħu nġibu unur ieħor ġewwa r-raħal tan-Nadur.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Pablo Doffo?

Pablo huwa coach li mhux biss huwa dedikat, imma tassew iħobb dak li jagħmel. Għandu esperjenza kbira, mhux biss bħala kowċ iżda wkoll bħala plejer, u din l-esperjenza tinħass kemm waqt t-taħriġ kif ukoll waqt il-logħob kompetittiv. Personalment nemmen li Pablo għandu talent rari: jaf jinżel fil-livell tagħna tal-players, jifhimna, u jaf eżatt kif għandu jirreaġixxi f’diversi sitwazzjonijiet.


Dak li tgħallem bħala player jgħaddih lilna b’mod naturali. Jgħinna f’kull dettall – fil-mumenti intensivi tal-logħba u fil-ħajja ta’ kuljum bħala players. Pablo huwa persuna li dejjem jara l-pożittiv qabel in-negattiv, imma fl-istess ħin ma jaħrab qatt mill-isfidi. Jaffaċċjahom għalina, biex jara lilna lkoll kuntenti u motivati.

Huwa kowċ li lest jisma’ u jagħti l-pariri mhux biss lil dawk b’aktar esperjenza iżda wkoll lit-tfal li jitilgħu magħna min-nurseries u t-timijiet iżgħar. 

Fuq kollox, Pablo huwa bniedem tassew umli. U dik l-umiltà tagħmlu mhux biss coach tajjeb imma persuna li tħalli marka f’kull min jaħdem miegħu.

Kif tqis il-livell tal-futbol Għawdxi fil-preżent, u kemm hu differenti minn dak tal-futbol Malti?

Fortunatament, matul is-snin il-livell tal-futbol Għawdxi qed jitjieb. Dan qed jiġri minħabba l-introduzzjoni ta’ aktar plejers barranin kif ukoll għax il-plejers lokali qed ikollhom l-opportunità jitħarrġu u jilagħbu ma’ plejers b’aktar esperjenza. Din it-taħlita qed tgħin biex it-timijiet kollha jogħlew fil-livell u jsiru aktar kompetittivi.


Naturalment, il-futbol Malti għadu pass ’il quddiem—hemm aktar investiment, aktar riżorsi u ħafna aktar plejers professjonali, speċjalment barranin. Meta tim Għawdxi jkollu l-okkażjoni jilgħab kontra tim Malti, tidher id-differenza fir-ritmu tal-logħba, fid-dixxiplina tattika u fil-kundizzjoni fiżika. Però fl-istess ħin juri kemm it-timijiet Għawdxin qed jaħdmu biex jersqu eqreb lejn dak il-livell pero sfortunatament għadna wisq il-bogħod.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? 

Għaliha, il-futur fil-futbol se jkun biss skont kemm nieħu ħsieb ġismi u nkun mentalment preparat għal kull ma jista jinqala’ f’dan l-isport. Il-karriera ta’ player mhijiex twila, u għalhekk irrid napprezza kull mument u kull staġun li nkun nista’ nagħti l-aħjar tiegħi. Se nagħmel dak kollu possibbli biex nibqa’ nilgħab fl-ogħla livelli, imma dejjem b’għaqal u rispett lejn ġismi – għax naf li sakemm inħossni kapaċi, irrid inkompli noffri dak li naf nagħmel l-aħjar.


Il-ħolma tiegħi hi li nilħaq il-potenzjal massimu tiegħi. Dan ma jiġix mill-lum għal għada; jiġi biss b’dedikazzjoni, dixxiplina u ħin twil ta’ prattika. Jien persuna li nħares ’il quddiem, imma fl-istess ħin inżomm saqajja mal-art. Naf minn fejn bdejt, naf kemm ħdimt, u naf li għad hemm ħafna aktar x’nitgħallem. Nixtieq inkompli ngħix mumenti fil-karriera li jibqgħu miegħi tul ħajti, u nagħmel differenza fit-timijiet li nkun parti minnhom.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-futbol jagħtik ħafna, imma jeħtieġ ħafna lura. Il-karriera hija qasira, u mhux dejjem faċli, iżda min tassew għandu l-passjoni u mhux se jaqta’ qalbu, jasal. Hemm jiem tajbin u jiem li fihom taqa’, imma huwa propju hemm li tara min tassew irid jasal.

Mill-esperjenza tiegħi nista’ ngħid li trid tkun lest sabiex tisma’ aktar milli titkellem, tiskopri fejn tista’ ttejjeb, u tirrispetta kull min jgħaddi minnek triqtek – dan biss se jgħinek tikber f’dan l-isport. Emmen dejjem fik innifsek, anke meta l-affarijiet ma jmorrux kif tixtieq. Irrisisti, aħdem b’umiltà, u kun paċenzjuż.

Kull min irid jilħaq il-potenzjal tiegħu f’dan l-isport għandu jkollu l-kuraġġ joħlom, iżda fl-istess ħin iżomm saqajh mal-art u jifhem li r-rebħa l-ewwel tiġi fit-taħriġ, fid-dixxiplina u fil-ħidma ta’ kuljum. Jekk tħobb dak li qed tagħmel u tkompli tħabbat il-bieb, il-futbol jagħtik lura ħafna iktar milli timmaġina.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport