Il-pajjiżi għandhom jibnu residenzi li kapaċi jirreżistu s-sħana, jiftħu ċentri adegwati kontra s-sħana li jistgħu jservu ta’ kenn għal dawk f’sitwazzjonijiet miżerji u dawk responsabbli għandhom isibu metodi li jistgħu jgħinu biex iżommu kemm jista’ jkun l-ibliet friski billi fost affarijiet oħra jitħawlu aktar siġar. Iddikjarat dan Julie Arrighi miċ-Ċentru tas-Salib l-Aħmar għat-Tibdil fil-Klima u waħda mir-riċerkaturi ta’ studju allarmanti rigward il-mewġiet ta’ sħana.
Skont dan l-istudju xjentifiku dawn il-mewġiet ta’ sħana li qegħdin jolqtu l-Ewropa u l-Istati Uniti bħalissa setgħu kienu ineżistenti mingħajr l-involviment uman fejn tidħol it-tibdil fil-klima.
It-tisħin globali kkawżat minn fossil fuels wasslet biex żoni fiċ-Ċina spiċċaw affettwati mal-50 darba iktar. L-istess studju qiegħed jara li t-tibdil fil-klima wassal biex il-mewġa ta’ sħana fin-naħa t’isfel tal-Ewropa wasslet għal żieda ta’ 2.5 gradi celcius.
Iżda l-aktar inkwetanti f’għajnejn l-esperti huwa l-fatt li kważi l-pajjiżi kollha għadhom mhumiex preparati għal din is-sħana estrema.
Julie sostniet li s-sħana li qiegħda tippersisti u li għad trid tkompli tippersisti hija fost l-aktar diżastri perikolużi li jistgħu jikkawżaw imwiet. Skont ir-riċerka din is-sħana qiegħda toffri theddida serja għall-ħajja umana, b’mod speċjali fost l-anzjani. Hu stmat li fl-Ewropa kien hemm aktar minn 61,000 persuna mietu minħabba sitwazzjonijiet kkawżati minn mewġiet tas-sħana matul is-sena li għaddiet.