Thursday, May 16, 2024

“Kull pass, kull nifs, kull veduta u kull moviment huma grazzi għal Courtney”

Anzjan ta’ 75 sena li kien mejjet u "kien l-intervent tiegħu li ġabni lura”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Qed ngħix bis-saħħa ta’ intervent li wettaq fuqi suldat. Kont ilni mejjet fil-karozza għal ftit aktar minn żewġ minuti għax qalbi waqfet. Kif qaluli, għamluli s-CPR u ma ħadimx. Kont kif jgħidu fil-ħin u l-mument it-tajjeb, għax f’daqqa waħda jitfaċċa żagħżugħ li jaħdem bħala suldat u li kien stazzjonat f’uffiċċju ftit bogħod. Ġie jara u qalilhom iġibulhom l-automated defibrillator. Qaluli li għalxejn għax kont mejjet.

Meta ġabuha wettaq l-ewwel intervent bija u ma ġara xejn. Wara wettaq intervent ieħor u kien hawn li jien ġejt lura. Illum, kull pass, kull nifs, kull veduta, kull moviment huma grazzi għal Courtney. Wara l-intervent u wara li għamilt żmien rikoverat l-isptar, iltqajt miegħu u rringrazzjajtu. In-nifs li għandi llum hu bis-saħħa tal-intervent tiegħu”.

Dan sostnieh ma’ IT-TORĊA, anzjan li llum għandu 75 sena meta flimkien ma’ martu tkellmu magħna dwar din l-esperjenza. “Qiegħed nagħżel li nitkellem minħabba Courtney. L-att tiegħu nemmen li għandu jiġi rikonoxxut. M’għandix kliem biex nirringrazzjah”, qalilna l-anzjan.

“Meta seħħ il-każ kelli 74 sena u llum għandi 75 sena. Kien il-31 ta’ Ottubru tas-sena 2022. Konna tajna Għawdex. X’ġara f’dik il-ġurnata li qalbi waqfet ma niftakarx aktar. Jiġifieri li morna nixtru u hekk, ma niftakar xejn”.

Titkellem il-mara tiegħu u tgħidilna li “meta konna tlajna f’Għawdex man-neputija. F’ħin minnhom beda jgħidli li mhux iħossu f’postu. Għedtlu biex inmorru l-isptar t’Għawdex. Hu iżda ma riedx imur l-isptar t’Għawdex għax beża’ li jżommuh hemm u allura ddeċidejna li ninżlu lejn Malta”.

Tirrakkonta li “meta wasalna Għajnsielem sibna li kien hemm kju kbir ta’ karozzi jistennew għall-vapur. Kellna ħabiba li hi infermiera u tgħix Għawdex u għedtlu tridx inmorru għandha, iżda hu ma riedx. Bqajna fil-kju u konna wasalna są quddiem l-Għassa tal-Pulizija jiġifieri eżatt qabel titla’ ir-rampa. F’ħin minnhom qalli li kellu bżonn imur it-tojlit. Għedtlu jistax jistenna sakemm nitilgħu l-vapur iżda hu baqa’ jinsisti u staqsa lill-Pulizija u ħallewh jidħol fl-Għassa. Rajtu ħiereġ mill-Għassa u jaqsam it-triq. Daħal fil-karozza. Poġġa rajtu fuq spallti, u sejjaħli b’ismi u daqshekk”.

“F’dan il-mument indunajt x’ġara. Ma bediex jitkellem u kien abjad karta. Bdejna ngħajtu jien u n-neputija. Il-Pulizija li kien hemm telqu it-traffiku u ġew jiġru jaraw x’ġara u biex jassistu. Lili neħħewni minn fejn il-karozza u minn dak li stajt nara bdew jagħmlu CPR. Ersaqt qrib, u qaluli li aħjar inżomm ftit bogħod. Hemmhekk indunajt li s-CPR ma kienx ħadem.”

“Nara ġuvni ġej… bedą jitlob għal AED”
Mart l-anzjan kompliet tgħidilna li “f’mument minnhom nara żagħżugħ ġej. Kien jidher li hu suldat. Ran lili u lin-neputija imbikkmin. Ġie fuqi u qalli ħu ħsieb it-tifla. Jidher li infurmawh li ma setgħu jagħmlu xejn aktar għax ir-raġel kien mejjet. Bdejt nisimgħu jgħid biex iġibu l-magna (automated defibrillator).

Ġabulu l-magna u minn kif qalilna wara, ta l-ewwel xokk u ma ġara xejn u mat-tieni xokk ir-raġel ġie f’tiegħu. Biex seta’ jagħmel l-intervent hu niżżel is-seat li fuqu kien hemm ir-raġel, tellalu saqajh fuq id-dashboard. Ried ikun jaf kemm kien ilu mejjet ir-raġel għax dik hi importanti biex iħaddem l-automated defibrillator. Il-ħin kien importanti. Ir-raġel irrisponda mat-tieni intervent u mbagħad kiene laħqu waslu l-ambulanzi li ħaduh l-isptar t’Għawdex u ftit ħin wara ġie l-helikopter u ħadu fl-Isptar Mater Dei”.

“Qed ngħix bis-saħħa tiegħu”

L-anzjan jiddikjara ma’ IT-TORĊA li “għalina hi trawma li nerġgħu nirrakkontaw din l-istorja. Iebsa għalina. Imma qegħdin naċċettaw nirrakkontawha għax irrid nerġa’ nuri l-apprezzament tiegħi lejn dak li għamel is-suldat. Qed ngħix bis-saħħa ta’ Courtney. Kont fil-ħin it-tajjeb fil-mument it-tajjeb. Kien hu li salvali ħajti.

Illum napprezza ferm u ferm aktar il-ħajja, mhux għax qabel ma kontx. Imma esperjenza bħal din, turik kemm hi prezzjuża l-ħajja. Illum ngħid li kull nifs, kull pass, kull veduta, kull moviment u kull ma nagħmel hu grazzi għal intervent ta’ Courtney. Spiċċajt l-isptar għamilt ħames ijiem f’induced coma.

Kif wasal l-isptar kienu operawni mill-ewwel. L-appell tiegħi hu wieħed, dak li Courtney ikun rikonoxxut għal dak li għamel. Nappella ukoll biex ikun hawn aktar għarfien dwar l-automated defibrillator, u li aktar nies ikunu jafu jużawhom. Dawn isalvaw l-ħajjiet”.

U llum…
Id-diskussjoni ma’ l-anzjan ma ffukatx biss x’ġara proprju f’Ottubru li għadda. Kien pożittiva mmens tisimgħu jirrakkonta li llum qiegħed iħares ‘l quddiem u issa li ħa saħħtu mill-ġdid anke qed jippjana li jmur għal btala barra minn Malta. Qabel iddeċieda dan, ħa l-pariri neċessarji.

Kemm hu importanti li wieħed jipprova jgħin anke jekk tkun qed tingħata l-għajnuna

F’dan il-każ joħroġ kemm hu importanti li wieħed jintervjeni, anke meta jidher li hemm min qed jassisti jew li kollox jidher li ntemm. Filfatt, Courtney, kif seħħ il-każ ma kienx eżatt fuq il-post.

Hu dakinhar kien xogħol fl-uffiċċju li huma għandhom taħt ir-rampa fejn jidħol il-vapur. Prattikament is-suldati li jkunu xogħol hemm ikunu ‘stand by’.

Courtney kien iddeċieda li flimkien ma’ sieħbu joħroġ mixja wara li kienu kielu xi ħaġa. Kienu sejrin lejn fejn ikollhom il-lanċa, meta raw karozzi weqfin u konfużjoni.

Mhux l-ewwel darba li kien hemm xeni simili, minħabba kwistjonijiet li jinqalgħu fi kjuwijiet li jkunu qed jistennew għal bastiment. Faċilment, huma ħasbu li kien hemm xi ġlieda. Kienet in-neputija tal-anzjan tibki li ġibdet l-għajn ta’ Courtney u hu mar mill-ewwel fuq il-post. Jinfurmawh li l-anzjan kien mejjet u wara li waħħal l-AED, immarkatlu mill-ewwel li ma kienx hemm ritmu tal-qalb. Tah l-ewwel xokk u għamillu s-CPR u wara tah xokk ieħor. Kien hawn li l-anzjan reġa’ ġie lura.

Dan kien każ, fejn l-istess suldat baqa’ f’kuntatt ma’ iben l-anzjan, anki fiż-żmien ta’ wara. Wara li rkupra sew huma iltaqgħu ukoll bejniethom.

Sport