Friday, November 22, 2024

‘Kull persuna b’diżabbiltà għandu x’joffri u ħadd m’għandu jibqa’ nieqes minn ebda opportunità’ 

- Christine Mifsud - Rebbieħa Premju Soċjetà Ġusta 2024

Aqra wkoll

Christine Mifsud hi waħda mir-rebbieħa ta’ Premju Soċjetà Ġusta 2024. Ir-rebbieħa tħabbru mill-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, fil-preżenza tal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia. B’kollox ġew nominati 14-il għaqda jew individwu fit-tliet kategoriji.

Premju Soċjetà Ġusta jagħti ġieħ lil dik il-persuna jew persuni b’diżabilità li juru kwalitajiet li permezz tagħhom jagħmlu differenza kbira u pożittiva f’dan is-settur tant partikolari.

Christine Mifsud, omm miżżewġa ta’ 44 sena ta’ tewmin tiddeskrivi lilha nnifisha bħala persuna miftuħa għal sfidi ġodda.

Christine, kif deskritta minn waħda mill-kollegi tagħha hija “raġġ ta’ xemx – arja friska u persuna li tista’ tagħmel attitudni” li tħalli impatt pożittiv ħafna fuq ir-responsabbiltajiet kollha tax-xogħol tagħha. Mudell għall-persuni b’diżabilità li dejjem tmexxi bl-eżempju, tipprattika dinjità u rispett kostanti lejn dak kollu ta’ madwarha mingħajr ma tistenna xejn lura.

Christine Mifsud hi persuna li għalkemm tilfet id-dawl t’għajnejha tagħmel mill-aħjar li tista’ sabiex tibqa’ tgħix ħajja indipendenti fil-komunità. Mifsud hija impjegata ta’ CRPD u tmexxi l-programmi ta’ taħriġ u għarfien fuq id-diżabilità, magħrufin bħala d-Disability Equality Training (DETs). Hija voċifera ħafna għall-messaġġi tagħha li tgħaddi favur id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità u tippreżenta wkoll programm fuq ir-radju dwar dan. Għalhekk għal din is-sena, inħass li dan il-premju li normalment jingħata lil persuna waħda, jingħata lil Anatole Baldacchino u lil Christine Mifsud li t-tnejn kienu denji li jirċevuh.

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Christine fejn tatna r-reazzjonijiet tagħha wara dan l-unur li rebħet. “Għalija kienet sorpriża kbira, ħa ngħid il-verità. Kont naf li ġejt innominata mill-kollega tiegħi u anke minn persuna oħra li taħdem fir-riżorsi umani tas-CRPD. Huma ħassew li kellhom jinnominawni u ta’ dan raddejtilhom ħajr. Qaluli biex niffirma l-applikazzjoni u jien ovvjament aċċettajt. Ftit iżda kont naħseb li kont se nirbaħ dan l-unur meta tqis li din is-sena kienu tnejn dawk li rebħu. Ħsibt biss li se niġi rikonoxxuta daqshekk. Iżda ma kienx hekk u hawn jien illum qed inkellmek dwar dan kollu.”

Christine Mifsud qalet li f’dan il-mument tħoss aktar responsabbiltà li tkompli tqajjem kuxjenza dwar dan is-settur tad-diżabbilta’ speċjalment mas-soċjetà Maltija. Hi taħdem b’mod speċjali sabiex huma jkollhom aktar drittijiet speċjalment għax hi qisha rappreżentanta tal-komunità neqsin mid-dawl. Hi wkoll rappreżentanta tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbilta’ li jinkoraġġuha biex ittejjeb ix-xogħol tant tajjeb li tagħmel.

Tkellimna ma’ Christine dwar is-settur b’diżabbiltà. Kemm taħseb li saru avvanzi?

“Iva saru ħafna avvanzi bla dubju. Minn 20 sena ilu ‘l hawn saru qabżiet kbar u bħal pajjiżi oħra qed nippruvaw nimplimentaw liġijiet fuq livelli differenti. Żdiedu s-servizzi u kien hemm riforma fl-Aġenzija Sapport fejn tgħin ħafna kull tip ta’ persuna. Hemm differenza notevoli, m’hemmx xi ngħidu.”

“Issa rridu naħdmu iktar sabiex naraw kif persuna ma tiġix bżonn jew tkun dipendenti fuq djar residenzjali jew istituti. Irrid naħdmu sabiex ma jkunx hemm sistemi riġidi u l-persuni b’diżabbilta ikollhom aktar libertà u għażliet li ma jiġux effettwati minn ħaddieħor. Aħna qed nirsistu sabiex dan kollu jkun implimentat, dejjem għall-ġid tal-individwu li hu ċ-ċentru ta’ kollox.”

Tkellimt ma’ Christine Mifsud dwar il-kelb gwida u kemm hu importanti għalihom bħala persuni neqsin mid-dawl.

“Jien nuża’ l-kelb gwida għax insibu tajjeb ħafna. Fil-preżent għandi lil Dora u aktar qabel kelli lil Winnie, żewġt iklieb veru ħelwin. Apparti li din tgħinni fil-ħajja ta’ kuljum, speċjalment meta nimxi, isservi ukoll ta’ terapija għax tikkalmani ħafna. Inqisha kważi kważi s-sieħba tiegħi u għandna relazzjoni tajba flimkien. Hi dejjem tkun miegħi u hi dejjem ta’ wens.”

Hi qalet li m’għandux ikunu l-NGO’s li jieħdu ħsieb dawn il-klieb giwda iżda għandu jkun servizz pubbliku. Ma ninsewx li dawn l-Għaqdiet mhux Governattivi jaħdmu b’mod volontarju u hemm lista twila ħafna tistenna sabiex ikollhom kelb gwida. Nemmen li dan kollu mhux lussu iżda bżonn u neċessità. Persuni neqsin mid-dawl jaffaċċjaw ħafna diffikultajiet għalkemm xorta waħda jkunu kuraġġużi u jħarsu lejn il-ħajja b’kuraġġ u determinazzjoni.

Christine Mifsud tirrikonoxxi li s-soċjetà Maltija fil-preżent inbidlet u possibbilment għall-aħjar.

“Illum tista’ tgħid li kważi kull familja għandha xi persuni bi bżonnijiet speċjali. Sirna għalhekk aktar tolleranti lejn dawn in-nies anke għax il-problemi jrid jaffaċċjahom kulħadd. Għad fadal biex ċerti servizzi jitjiebu iżda mexjin fit-triq it-tajba. Hemm iktar kuxjenza minn qabel. Sa għoxrin sena ilu diversi persuni b’diżabbilta’ ma kellhomx drittijiet, kienu jsibuha diffiċli jsibu xogħol u issa l-affarijiet huma differenti.”

Christine xtaqet tenfasizza dwar il-fatt li bħala persuni b’diżabbilta’ aktar milli jsibu persuni jitħassruhom, dawn iridu opportunitajiet sabiex iħossuhom iktar inklużi. L-affarijiet mexjin ‘il quddiem u dan kollu jwassal għal iktar progress f’dan ir-rigward. Fl-istess waqt meta jsir ilment dan qed jiġi indirizzat, kuntrarju għal qabel fejn kien ikun ħafna stennija. Wara kollox, l-ilmenti jsiru sabiex jitjiebu l-affarijiet, xi ħaġa li wieħed qed jinnota sew.

Finalment tlabna lil Christine Mifsud sabiex twassal messaġġ ta’ kuraġġ lill-persuni b’diżabbiltà.

“L-ewwel u qabel kollox, ngħidilhom biex jagħmlu kuraġġ u jibqgħu motivati sabiex jimxu għat-triq tagħhom. Dejjem importanti li jkollhom lil min ikellmu sabiex żgur isibu l-għajnuna u l-istandard tal-ħajja tagħhom titjieb.”

“Fl-aħħarnett nixtieq li n-nies hemm barra jħarsu lejn il-persuna bħala individwu li jiġi rikonoxxut bl-abbiltajiet kollha tiegħu. Kull persuna b’diżabbiltà għandu x’joffri u ħadd m’għandu jibqa’ nieqes minn ebda opportunità.”

Sport