Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Hyrox u l-atletika?
Bdejt dan il-vjaġġ sportiv meta kont diġà ta’ età akbar u wara li kelli t-tfal. Kont qed nagħmel diversi sports, iżda l-ġiri dejjem kien il-favorit tiegħi. Ftit ftit bdejt nibni rutina, u maż-żmien bdejt inħoss x’għandi bżonn nagħmel biex inkompli nitjieb fit-training tiegħi.
Il-kowċ tiegħi Dalton Wingfield dejjem emmen fija u tani l-kuraġġ li nibqa’ mmur ’il quddiem. Hu dejjem jgħidli li l-Hyrox huwa l-isport perfett għalija.
Xi sena u nofs ilu bdejt taħt il-gwida tar-running coach Mark Herrera, u nixtieq nirringrazzjah minn qalbi ta’ kemm jemmen fija u jimbuttani biex nasal fejn qatt ma ħsibt li nista’ nasal.
Bdejt nikkompeti u nsib aktar saħħa ġewwa fija grazzi għall-appoġġ tal-ħabiba tiegħi Pauline Camilleri, li hi l-partner tiegħi fid-doubles tal-Hyrox. Mingħajr il-kuraġġ u l-enerġija tagħha, ħafna mill-passi li għamilt ma kinux iseħħu.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Sa sena u nofs ilu, kieku kont tgħidli li se nasal s’hawn, qatt ma kont nemmen. Imma hawn qiegħda, b’aktar forza, aktar paċenzja u aktar determinazzjoni minn qatt qabel.
L-iktar ħin li ħadt pjaċir fih kien meta konna f’Warsaw. Jien u Pauline ksibna it-3 post fil-kategorija tal-età u l-5 post overall fil -hyrox . Dak il-moment kien wieħed mill-isbaħ għalija,kien hemm tfal taghna jarawna, u t-team ta fit studio kien qed jagħtina l-appoġġ.
In-Nofs Maratona tas-sena l-oħra kien ukoll mument speċjali, għax irnexxieli nagħmel ħin tajjeb ta’ 1.29 u jien ħafna aħjar mis-sena ta’ qabel:
Għamilt triq sabiħa ma’ ħabibti Catherine Cachia, u nixtieq ngħidilha grazzi tal-kuraġġ u l-mumenti sbieħ f’dik il-ġirja.
Kif tqis il-livell tal-Hyrox u l-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-kompetizzjoni qed jogħla, u għandna diversi atleti dedikati.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Bħala riżorsi ta’ taħriġ u kompetizzjonijiet tal-Hyrox, il-popolarità f’pajjiżna żdiedet ħafna. Grazzi għal dan, illum għandna ħafna aktar postijiet fejn tista’ tħarreġ u teghjeb il-livell tiegħek … u anke kowċis kwalifikati.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-Hyrox u l-atletika?
Nixtieq inkompli naħdem, nittestja l-limiti tiegħi u nara sa fejn nista’ nasal. L-ikbar motivazzjoni tiegħi huma t-tfal tiegħi . nixtieq inkun eżempju għalihom, mhux biss fl-isport, iżda wkoll fil-ħajja: li b’impenn u passjoni, kollox huwa possibbli.
Qatt mhu tard biex tibda tagħmel xi ħaġa ġdida!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Hyrox u l-atletika.
Jekk trid tirnexxi fil-Hyrox u fl-atletika, ħu pjaċir bil-proċess, mhux biss bir-riżultat. Kull tbatija, kull ġirja u kull ripetizzjoni qed jibnu fik l-atleta li tixtieq u li għandek il-potenzjal li tkun!
Għalija, il-mixja kollha tat-taħriġ hija parti mill-ħajja ta’ kuljum. Kull ġurnata ta’ training hija rebħa fiha nnifisha!
.

