Wednesday, September 3, 2025

‘Kull tifla li tilgħab il-futbol għandha xi ħaġa tajba fiha x’toffri li tista’ tikber u tasal fejn tixtieq qalbha peró b’imġieba tajba u li ma taqta’ qalbha qatt’ – Kathleen Saliba

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Jien ġejja minn familja tal-futbol, allura minn dejjem kont inħobb din il-logħba. Peró, beda kollox meta ltqajt mal-kowċ Pierre Brincat peressli konna naħdmu fl-istess kumpanija u kellhom tim tan-nisa. Hu kien il-kowċ li wassalni u ħeġġiġni bis-sħiħ biex ningħaqad mal-Hibernians u bid-determinazzjoni tiegħi rnexxieli nibni karriera fil-futbol tan-nisa … qed nitkellmu fuq 26 sena ilu. 

Iddeskrivi l-esperjenzi preżenti tiegħek bħala kowċ tat-tim tal-U16 u U21 tan-nisa ta’ Hibernains FC.

Jien bdejt il-karriera tiegħi bħala kowċ madwar 19-il sena ilu mal-akkademja tat-tim nazzjonali ta’ taħt it-13-il sena. Issa ilni t-tielet staġun ma’ Hibernians fejn fl-ewwel sena kelli t-tim ta’ taħt is-16-il sena, imbagħad sena wara l-klabb għoġbu jafdani bit-tim ta’ taħt id-19-il sena wkoll. Sodisfatta mmens ngħid li rbaħt darbtejn in fila il-Kampjonat ta’ taħt is-16-il sena. L-esperjenza tiegħi mat-tim tal-U19 kienet sfida ikbar fejn fil-bidu tal- istaġun konna fil-ħames post u fl-aħħar irnexxielna niksbu t-tieni post u b’hekk wera biċ- ċar li l-għan tiegħi qed jasal għax it-tfajliet tgħallmu u tjiebu fil-logħba tal-futbol.

Int kont ukoll plejer ta’ suċċess, fejn fost oħrajn lgħabt mat-tim nazzjonali Malti. Agħtina iktar dettalji. 

Jien bniedma determinata ħafna u b’qalb kbira allura l-isfidi jagħtuni stimoli kbar. Nemmen li kull plejer jixtieq jagħmel parti u jilgħab għal pajjizu mat-tim nazzjonali. Huwa unur kbir li kelli ċ-ċans nilbes il-flokk tat-nazzjonali u speċjalment meta lgħabt kontra timijiet kbar fosthom l-Ingilterra u Spanja għax hemm tirrealizza kemm trid taħdem u tirsisti biex tasal f’dawn il-livelli. 

X’differenza hemm bejn li tkun plejer u kowċ?

Meta tkun plejer jgħinuk u jkollok direzzjoni biex inti tagħti prestazzjoni tajba. Bħala kowċ għandek ir-responsabbiltá li toħrog l-aħjar taħriġ tiegħek biex twassal it-tim għas- suċċess.

Huwa fatt magħruf li t-tim tal-kbar tan-nisa ta’ Hibernians FC qed jutilizza bosta prodotti tan-Nursery. X’inhu s-sigriet wara dan is-suċċess?

Il-filosofija tiegħi bħala kowċ kif ukoll tal-klabb hi li t-tagħlim li nagħtu lil dawn it-tfajliet huma biex jitgħallmu l-logħba tal-futbol u jkunu aħjar fil-grawnd. Jidher biċ-ċar li bħala klabb dan l-għan qiegħed jasal għax ħafna mill-plejers qed jagħmlu parti mit-tim tal-kbar.

Kif tqis il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?

Ħafna plejers tjiebu ħafna għax qed imorru jilagħbu barra minn xtutna kif ukoll fil- Kampjonat qed jiżdiedu l-plejers barranin. Sfortunatament, ċerti klabbs mhux qed jagħmlu ċertu xogħol fis-settur tal-futbol tan-nisa biex in-numri f’pajjiżna jikbru. F’ċerti kategoriji ma jkollhomx biżżejjed bniet allura qed jispiċċaw jingħaqdu ma’ klabb ieħor. Nemmen ukoll li llum il-ġurnata, hawn aktar opportunitajiet għall-futbol tan-nisa u ħafna bniet saru jibdew jilagħbu minn etá żgħira għax sar hawn iktar marketing. 

U dak tar-riżorsi fejn il-plejers jitħarrġu u jkollhom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħhom?

Meta bdejt nilgħab il-futbol jien, bħala Hibernians FC konna nittrenjaw fuq iż-żrar u l- Kampjonat kien jintlagħab fil-grawnd ta’ Pace Grasso fuq iż-żrar ukoll. Fil-klabbs sirt issib bniet jittrenjaw flimkien mas-subien u l-grawnds illum huma kollha sintetiċi jiġifieri tjiebna żgur. Peró, għadni diżappuntata fuq il-Kampjonet ta’ taħt is-16-il sena għax nemmen li għandhom jilagħbu f’pitches ikbar minn dawk ta’ Ħal-Kirkop u Marsaskala. 

Kemm hu importanti s-settur tal-grassroots fil-futbol fosthom dak tan-nisa?

Bħala klabb tal-Hibernians dejjem ħadmu bis-sħiħ biex jibnu akkademja tal-bniet u kif diġá għidt juri biċ-ċar li dan qed isir realtá għax ħafna plejers bdew jilagħbu ma’ dan il-klabb u issa ssieħbu mat-tim tal-kbar. Biex ikollok grassroots tajbin trid taħseb minn meta jkunu għadhom żgħar halli jitilgħu ppreparati għal meta jikbru … minn hemm tista’ tieħu dan il-frott għall-futur aħjar fis-settur tan-nisa.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?

Nemmen li sar hawn aktar opportunitajiet fil-futbol tan-nisa peró għad hemm ċerta diskriminazżjoni li l-futbol hija logħba tal-irġiel. Jekk immorru lura dan is-sajf kien hemm it-Tazza tal-Ewropa li ġiet mirbuħa mill-Ingliżi u kien hemm attendenza ta’ 65,000 persuna. Ġo pajjiżna l-attendenza tagħna huma nies familjari u ħbieb.  

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jiena minix eterna u l-ewwel u qabel kollox huwa ċ-ċkejken tifel tiegħi li jieħu ħafna ħin minn hajti. Imma ma neskludix lanqas li noħlom u nara lili nnifsi nkun ma’ tim tal-kbar. Il-bibien tiegħi dejjem miftuħa. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Kull sport li tipprattika trid tbati biex ikollok is-suċċess li jistħoqqlok. Fortunatament jien għandi karattru b’saħħtu u qalb kbira u wasalt fejn wasalt illum b’determinazzjoni u dixxiplina. Nemmen ħafna li kull tifla li tilgħab il-futbol għandha xi ħaġa tajba fiha x’toffri li tista’ tikber u tasal fejn tixtieq qalbha peró b’imġieba tajba u li ma taqta’ qalbha qatt!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport