Thursday, March 6, 2025

Kull tip ta’ sport hu tajjeb, l-importanti li żżomm ruħek attiv – Alixander Schembri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atketika?

L-imħabba lejn l-atletika bdiet madwar is-sena 2009, meta kont naħdem ġo bar, imbagħad iltqajt ma’ persuna u bdejt immur il-gym. Dak iż-żmien kont niżen madwar 95 kilo, u bdejt niġri, u niftakar l-ewwel tellieqa tiegħi kont għamilt il-ġirja tal-President għall-ewwel darba, u kont verament fraħt li rnexxieli nagħmilha. Imbagħad xi ħmistax wara kien hemm maratona mill-Imdina sa Spinola u rnexxieli nagħmilha wkoll. Kont għadni qatt ma trenjajt f’ħajti, u mbagħad meta dak iż-żmien rani xi ħadd niġri, qalli biex it-Tlieta ta’ wara ninżel il-Marsa u nkellem lill-kowċ, li dak iż-żmien kien Roger, biex nibda niġri. Għall-ewwel kont tqil ħafna, kont għadni qatt ma esperjenzajt maratona sħiħa u daħħalt f’moħħi li rrid nagħmilha u rreġistrajt għall-ewwel maratona fl-Irlanda f’Ottubru. Minn hemmhekk bdiet l-imħabba tiegħi lejn il-ġiri u llum il-ġurnata ngħix għalih.

X’suċċessi maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa?

Hemm ħafna, imma waħda mill-isbaħ li kont irbaħt kienet meta għamilt il-Gozo Trail u kont ġejt l-ewwel. Kienet l-ewwel esperjenza tiegħi li ġejt l-ewwel, għalkemm kelli esperjenzi oħrajn li ġejt l-ewwel u t-tieni u anke t-tielet. Waħda mill-esperjenzi sbieħ li kelli meta kont għamilt il-135K, 23 siegħa għaddej bla waqfien, tibda mill-baħar u tispiċċa fis-smewwiet u tinżel lura. Hija esperjenza mill-isbaħ, fejn il-moħħ jitkellem aktar minn sieqek, għax trid tkun b’saħħtek, u kienet esperjenza mill-isbaħ. Darb’oħra kont sifirt u kont irrappreżentajt lil Garmin Malta u għamilt il-Fire Run ġewwa l-Kappadoċja b’tellieqa ta’ 80K għal għaxar sigħat. Kienet iebsa ħafna għax filgħaxija tinżel ħafna t-temperatura, iżda b’xenarji mill-isbaħ. Esperjenzi kbar, anke f’Malta fejn għamilt waħda ta’ 250K b’riħ ta’ f’Forza 7 u kont dħalt mal-ewwel 10. Tħares lejn il-midalji u tara t-trofej tibda tiftakar dawn it-tlielaq kollha. Kont ukoll ġejt l-ewwel f’Etna, 24K, kienet iebsa u kont dħalt it-tielet f’Etna sentejn ilu fis-64K, għalkemm kienet wisq iebsa għax kien f’Lulju, temperatura ta’ 40 grad. Riċentament ukoll f’Sardenja għamilt 100K fuq tlett ijiem u ġejt l-għaxar post.

Fil-jiem li għaddew hadt sehem b’suċċess fil-Maratona ta’ Malta. Agħtina iktar dettalji.

Fil-Maratona ta’ Malta li ħadt sehem fiha riċenti ma tantx kont għaddej minn żmien tajjeb, saru jafu wkoll li għandi l-ADHD, u ma tantx ridt inkun naf b’maratoni ħlief li nimxi bil-kelba Chloè, li kont ġbart minn barra. F’Jannar imbagħad reġgħet bdiet il-ħajra u klijenta staqsietni jekk nixtieqx nerġa’ niġi sponsorjat. Iżda issa qed nerġa’ nqum fuq saqajja, u ġimagħtejn qabel il-maratona kont mort niġri 33K, għalkemm ma kontx bħalma kont qabel. Imma ddeċidejt li nagħmilha mal-kelba tiegħi. Issa ser nitrenjaha biex tagħmel il-55K ta’ Għawdex għalkemm mhux faċli minħabba s-sħana. Kienet esperjenza sabiħa wkoll, fejn ħassejtni li xorta waħda ġejt l-ewwel għax qed negħleb dak kollu li kont għaddej minnu.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent? U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Il-livell tal-atletika f’pajjiżna huwa livell għoli ħafna. Hemm bżonn imma li napprezzaw aktar, u nifhmu l-ħaġa li hemm min ikun ilu jitrenja xhur u snin kbar. Tmur barra minn Malta l-atmosfera tkun vera differenti, eżempju kif tkun dieħel maratona, tara atmosfera sabiħa. Imma hawn hemm bżonn li n-nies japprezzaw aktar l-atletika għax m’hawnx is-sapport bħalma ssib fi sports ieħor. Imma ma nistax ngħid li l-livell huwa ħażin għax hawn ħafna atleti u sirna ħafna aħjar minn qabel, b’kowċis tajbin u nemmen li Malta għad tidher xi darba wkoll fl-Olimpjadi.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

L-isports inħobbu ħafna u jiena persuna ottimist ħafna. Ma tantx inħares fil-bogħod. Fejn kont qabel kont mod, qabel bdejt l-atletika. Issa għaddew ħmistax-il sena u għadni nħares ’il quddiem għax hemm ħafna aktar kompetizzjonijiet li nixtieq nagħmel; l-għanijiet għall-futur huma li naqbeż il-100K. Issa ser nieħu ġimgħa biex nistrieħ wara din il-maratona, imbagħad nibda nitħarreġ aktar bis-serjetà, fil-fatt qassamt anke l-ħinijiet tax-xogħol tiegħi, għax jien mhux biss Alex li niġri, imma għandi r-razzett, il-ħanut li jitlob ħafna xogħol, inlaħħaq mal-familja. Għandi ħafna xogħol, fil-fatt inqum ħafna kmieni biex nieħu ħsieb l-annimali, għandi ħamest iklieb u l-qtates. Issa mal-kelba Chloè li għalqet sena u trid titjieb, li hija kumpanija sabiħa, għandi l-pjanijiet għal magħha wkoll.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Nixtieq ngħaddi l-messaġġ li qatt mhu tard. Darba tgħix, taqa’ u tqum imma trid tibqa’ tipprova. Anke jekk imqar tibda timxi biss. Jien nagħmel kuraġġ lin-nies għax qatt mhu tard li tibda. Nirringrazzja wkoll lil dawk li huma madwari; il-familja, il-partner tiegħi li mnalla jkun hu għax jieħu paċenzja bija, jiġi jarani u jagħtini s-sapport kollu. Kull tip ta’ sport hu tajjeb, l-importanti li żżomm ruħek attiv.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport