F’attività politika quddiem il-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li “rridu nkomplu naħdmu għax kulma jmur il-PN qed jerġa’ jsir il-gvern alternattiv li għandu bżonn pajjiżna.”
“Ejja nkomplu nimtlew bil-kuraġġ, imma fl-istess waqt inżidu l-ħidma tagħna għax kulma jmur il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ juri li kapaċi jkun gvern alternattiv – il-gvern li għandu bżonn pajjiżna biex ikompli miexi ’l quddiem. Dan hu l-mument tagħna. Ejjew nibqgħu nemmnu għax kapaċi naslu,” kompla jgħid Borg.
Irrefera wkoll għall-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika li skont Borg juri, “li ma nistgħux nitilfu l-pass li qbadna, u għalkemm dan jibqa’ ritratt tal-mument, filwaqt li jagħtina l-motivazzjoni biex inkomplu naħdmu, jitfa’ wkoll piż kbir fuqna għax il-poplu Malti issa qed iħares lejna b’lenti differenti u qed jara li kapaċi mmexxu lill-pajjiż lejn id-direzzjoni li jixraqlu.”
Waqt l-attività politika l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li r-responsabbiltà tiegħu u tal-PN f’dan il-mument hija kbira: “Irridu noqogħdu attenti għal kull pass li nagħmlu u nuru verament li aħna l-partit tan-nazzjon, partit li verament qed iħoss il-polz tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.”