Monday, February 2, 2026

‘Kulma trid hu determinazzjoni, saħħa, żarbun tajjeb, u titlaq tiġri’ – Darren Sultana

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?


L-imħabba tiegħi lejn l-atletika nista’ ngħid li bdiet minn mindu kont għandi l-iskola primarja. Niftakar kemm kont nieħu gost u nkun kompetittiv meta kien ikollna xi Sports Day. Dejjem kont nipprova nkun minn tal-ewwel sabiex nilħaq il-finish line fit-tiġrijiet. Kontributur ieħor nista’ ngħid hu dak tal-SDC M.U.S.E.U.M Xagħra, fejn rabbejt l-imħabba għall-mixi fin-natura peress li kienu jorganizzaw il-passiġġati nhar ta’ Ħadd. Iktar ma bdejt nikber, iktar bdejt nuri interess u jkolli xewqa biex nittrenja u nikkompeti.

U kif għażilt li tispeċjalizza fit-trail running?

Iktar milli għażilt, iktar naħseb li kienet xi ħaġa naturali għalija. Dan għaliex kemm ilni nkun sportiv, ippruvajt diversi tipi ta’ sports. L-ewwel sport li pprattikajt, bħal hafna nies, hu l-futbol, imma qisu ma kontx inħoss li hu għalija. Imbagħad meta kbirt daqsxejn bdejt nittrenja r-rota, u anki għamilt xi żmien nittrenja t-triathlon, imma l-ebda qisu ma tani gost daqs kemm tani t-trail running. Niftakar l-ewwel ftit trail runs li għamilt kienu proprjament fuq is-sisien ta’ bejn ir-Ramla l-Ħamra u Marsalforn.

Il-gost u l-pjaċir li kont u għadni nħoss kien u għadu kbir ħafna. Inħossni home, inħossni bħal qisu qed nissodisfa xi ħaġa primali ġo fija, li nkun fejn suppost għandi nkun. Minn hemm ‘il quddiem dejjem komplejt nesplora xi mogħdija ‘l hawn u ‘l hinn. L-imħabba lejn dan l-isport dejjem kompliet tikber. Sport ieħor bhaċ-ċikliżmu għadni xorta waħda nipprattikah, imma jekk ikolli nagħżel bejn it-tnejn, immur għat-trail running.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq it-tielet post li ksibt fl-aħħar tellieqa sponsorjata minn ADIDAS fil-kategorija tal-irġiel?

Sodisfazzjoni kbir hux meta tieħu podium, iktar għax kienet tellieqa iebsa u teknika. Il-fatt li jien b’saħħti u kapaċi biżżejjed sabiex rotta bħal dik nieħu podium fiha huwa ta’ sodisfazzjon ikbar. Kienet teknika minħabba li prattikament nofs ir-rotta tal-wied kienet kollha ġebel jiżloq ta’ kull daqs u zkuk. F’kundizzjonijiet bħal dawn trid tagħmel l-almu kollu sabiex tibqa’ fuq żewġ saqajn. Kuntent li rnexxieli negħleb din l-isfida u nieħu t-tielet post.

X’suċċessi maġġuri oħra rnexxielek tikseb sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?

Naħseb l-ikbar suċċess li għandi fit-trail running huwa proprjament fl-istess rotta. Meta kont ippruvajtha għall-ewwel darba fl-2023 u kont irbaħtha! Insemmi wkoll suċċessi personali oħra, bħal dakinhar li ta’ 15-il sena kont għamilt ġirja ta’ 50km madwar Għawdex, li kienet il-fulkrum tal-karriera tiegħi sa issa bħala trail runner.

Kif tqis il-livell tat-trail running f’pajjiżna fil-preżent?

Jiena m’iniex trail runner professjonali, iżda amateur, li nagħmel dan l-isport għall-gost. M’iniex wieħed li nittrenja kuljum u nieħu sehem f’kull tiġrija li ssir però mill-esperjenza tiegħi, it-trail running f’Malta għadu mhux żviluppat biżżejjed daqs pereżempju r-road running. Nista’ ngħid li t-trail running għadu fil-fażi bikrija tiegħu f’Malta però fortunatament qed isir iktar magħruf. Dejjem tara wċuħ ġodda fit-tlielaq li jsiru.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Fit-trail running ma għandekx riżorsi “normali”, fis-sens ma għandekx post determinat fejn tittrenja bħal xi track jew ground tal-futbol. It-trail running tipprattikah qalb il-passaġġi naturali.

Proprjament dan l-isport jirrikjedi rotot kontinwi ta’ trails però kważi f’kull trail run ta’ Malta dejjem ikun hemm persentaġġ ta’ rotta fit-triq, inkluż ta’ Wied Qirda. Minħabba li aħna gżira u d-distanzi bejn il-postijiet huma qosra, diffiċli jkollok trail run twila, li tkun mija fil-mija trail. Ħafna passaġġi naturali huma privati u għalhekk mhumiex aċċessibbli. Madanakollu, xorta waħda hawn ħafna postijiet fejn tittrenja.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-trail running?

Aħna dejjem inħarsu ‘l quddiem. Jien m’iniex atleta professjonali però sakemm Alla jtini s-saħħa, jien se nibqa’ nipprattika dan l-isport għax apparti li nħossni tajjeb fiżikament, iġiegħilni napprezza s-sbuħija naturali ta’ gżirtina. Fil-futur però nixtieq li nagħmel xi trail runs barra minn Malta biex nesperjenza dan l-isport b’mod differenti.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Messaġġ wieħed ngħaddi: biex tittrenja dan l-isport ma għandekx bżonn ħafna ppjanar u flus, bħalma pereżempju għandek bżonn fl-isport taċ-ċikliżmu. Kulma trid hu determinazzjoni, saħħa, żarbun tajjeb, u titlaq tiġri!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport