Saturday, December 21, 2024

Kumbinazzjoni!!!!!

Aqra wkoll

Fl-aħħar ġimgħa ta’ Lulju li għadda stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol qalet li skont evalwazzjoni li saret minn Jobsplus pajjiżna għandu biżżejjed ħaddiema tal-Y Plates u ‘food couriers’. Konsegwentement ġie rrakkomandat li jiġu rifjutati applikazzjonijiet ġodda għall-permessi ta’ xogħol bħal dan, inkużi dawk ta’ individwi li għadhom barra minn Malta u dawk li jixtiequ jbiddlu lil min iħaddimhom. Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq reviżjoni estensiva tas-suq tax-xogħol, inkluża l-analiżi tar-reġistri tal-qgħad u l-postijiet battala ta’ min iħaddem.

L-istqarrija żiedet tgħid li huwa importanti li wieħed jinnota li din il-miżura ma taffettwax lill-ħaddiema attwali f’dawn is-setturi. L-applikazzjonijiet għat-tiġdid se jkomplu jiġu pproċessati mingħajr interruzzjoni, biex jiġi żgurat li l-impjegati attwali ma jiġux affettwati minn dawn il-miżuri. L-għan huwa li jkun hawn stabbiltà u l-kontinwità tal-impjieg għal dawk li diġà għandhom dawn il-pożizzjonijiet.

“Il-Ministeru għall-Intern, Sigurtà u x-Xogħol, flimkien ma’ Jobsplus, huwa impenjat li jiżgura li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu f’Malta jkunu protetti minn kull forma ta’ abbuż minn min iħaddimhom. Kull meta jinqalgħu każijiet ta’ abbuż, l-awtoritajiet kompetenti qed jieħdu azzjoni minnufih,” qalet l-istqarrija.

Sadattant tajjeb li l-istampa tkun sħiħa. Jiem qabel inħarġet l-istqarrija li qed nirreferi għaliha, numru sostanzjali ta’ ‘food couriers’ għamlu forma ta’ azzjoni industrijali, waqfu minn ħidmiethom, għax sostnew li mhux ikunu trattati tajjeb, li qegħdin jiġu sfruttati. Li mhux qegħdin jingħataw ħlas xieraq għal ħidmiethom.

L-awtoritajiet għamluha ċara li dan ma kienx aċċettabbli. Li ħadd m’għandu jkun sfruttat u abbużat għas-sempliċi raġuni li ‘bħalek insib kemm irrid u allura jaqbillek tieqaf tipprotesta inkella dabbar rasek’.

Imma l-istorja ma waqfitx hawn u f’daqqa waħda fuq il-media soċjali bdew jittellgħu ilmenti li l-ħlasijiet għal servizzi ta’ rikbiet minn karozzi Y Plate bdew jogħlew apparti li ż-żmien ta’ stennija biex jingħata dan is-servizz kien qed jieħu fit-tul aktar milli kien sa ftit jiem ilu.

Din kumbinazzjoni? Possibbli li kellha tiżviluppa tali ċirkostanza ftit wara li l-awtoritajiet bdew jieħdu azzjoni. Fil-verità bdew jinfurzaw il-liġijiet. Faċilment seta’ jiġi nnotat li bdejna naraw karozzi Y Plate jitwaqqfu u jkunu verifikati. Kien ġie rappurtat ukoll li rriżultaw xi abbużi.

L-ilmenti mill-utenti ta’ dawn is-servizzi żdiedu qatigħ u nhar it-Tnejn li għadda l-kumpanija Bolt, waħda mill-kumpaniji li jipprovdu tali servizz, irreaġġixxiet. Qalet li t-tariffi għolew awtomatikament għax filwaqt li żdiedet it-talba għas-servizzi li toffri telquha 19% tax-xufiera tagħha peress li kienu qegħdin jiġu rifjutati t-talbiet tagħhom għat-tiġdid tal-permessi kif ukoll kienu qed ikunu rifjutati applikazzjonijiet ġodda għall-permessi tax-xogħol. Qalet ukoll li l-ħlasijiet għas-servizzi provduti, meqjus il-fatt li qegħdin fl-aqwa tal-istaġun turistiku, żdiedu bejn wieħed u ieħor b’10% fuq dak li kienu għall-istess perjodu matul is-sena 2023.

Hemm differenza bejn dak li qed jingħad mill-awtoritajiet kompetenti: L-applikazzjonijiet għat-tiġdid se jkomplu jiġu pproċessati mingħajr interruzzjoni, biex jiġi żgurat li l-impjegati attwali ma jiġux affettwati minn dawn il-miżuri. L-għan huwa li jkun hawn stabbiltà u l-kontinwità tal-impjieg għal dawk li diġà għandhom dawn il-pożizzjonijiet u dak li qalet il-kumpanija Bolt li telquha 19% tax-xufiera tagħha peress li kienu qegħdin jiġu rifjutati t-talbiet tagħhom għat-tiġdid tal-permessi.

Li hu żgur hu li ż-żieda fit-tariffi u dewmien aktar għas-servizz seħħew meta beda jsir dak li kontinwament nilmentaw dwar in-nuqqas tiegħu: infurzar ta’ liġijiet.

U allura lili personali ma tantx tinżilli mgħaġġel l-iskuża li ġabu tal-Bolt. Wisq naħseb li kienu qegħdin tajjeb jimlew it-toroq Maltin u Għawdxin b’sewwieqa minn kull naħa tad-dinja bil-‘benefiċċju’ li tirrendi s-sitwazzjoni tal-provvista akbar mid-domanda.

Ekonomija

Sport