Kumitat Eżekuttiv ġdid kien elett biex imexxi l-Malta Rugby Football Union– il-korp governattiv tal-isport tar-rugby union f’Malta – għat-tliet snin li ġejjin.
L-elezzjoni seħħet waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MRFU li saret nhar l-Erbgħa 16 ta’ Lulju 2025.
Dan huwa kumitat li jikkombina l-esperjenza mal-enerġija żagħżugħa, b’wieħed mill-ewwel kaptani tat-tim nazzjonali Malti, Gerald Strickland, elett fl-irwol ta’ President tal-MRFU għat-terminu li ġej.
Il-Kumitat Eżekuttiv il-ġdid jikkonsisti minn dawn il-membri:
- President: Gerald Strickland
- Viċi President: Matteo Alessandro
- Segretarju Ġenerali: Mauro Miceli
- Teżorier: Simon Vella
- Uffiċjal għall-Relazzjonijiet Pubbliċi: Damien Davis
Il-Kumitat Eżekuttiv se jippreżenta wkoll mozzjoni biex jeleġġi lil Robert Bonavia fil-kumitat bħala Membru.
“Għandi l-unur li nieħu dan ir-rwol volontarju f’mument tant kruċjali għar-rugby Malti,” qal il-President il-ġdid elett Gerald Strickland.
“Il-viżjoni tagħna hija li nibnu sport miftuħ għal kulħadd—mill-plejers żgħar li qed jagħmlu l-ewwel passi tagħhom fuq il-grawnd, sal-atleti b’esperjenza li qed jimmiraw għal livelli ogħla. Aħna impenjati li noħolqu wirt sostenibbli li nittamaw se jibbenefika lill-ġenerazzjonijiet futuri u jiżgura li r-rugby jibqa’ jikber kemm f’Malta kif ukoll lil hinn minn xtutna,” kompla jgħid.
“Flimkien, bil-paċenzja, id-dedikazzjoni u x-xogħol f’tim, nistgħu niffaċċjaw l-isfidi li ġejjin u niktbu l-kapitlu li jmiss fl-istorja tar-rugby f’Malta,” temm jgħid.
Il-Kumitat il-ġdid jirringrazzja lill-Kumitat Eżekuttiv preċedenti tal-MRFU għas-servizz li ta lir-rugby Malti matul is-snin li għaddew u jħares ’il quddiem biex jibni fuq il-ħidma ta’ qablu sabiex ir-rugby Malti jibqa’ jikber lokalment u internazzjonalment.