Thursday, December 26, 2024

KUMMISSARJU

Aqra wkoll

Miktub Minn ALFRED SANT

Jekk se ngħid il-verità, ikolli nistqarr kif għalija, li biex nagħżlu kummissarju tal-pulizija l-gvern irid joqgħod joħroġ sejħa għal applikazzjonijiet, jagħmel eżami ta’ min japplika, iressaq lil min jikkwalifika quddiem kumitat tal-Parlament u l-bqija… mhi xejn ħlief ħaġa moħġaġa. 

Kieku konna pajjiż akbar b’numru ta’ korpi reġjonali tal-pulizija kollha bil-kap tagħhom li jistgħu jikkompetu għal kummissarju, forsi nifhimha. Imma fiċ-ċokon tagħna dil-ħaġa ma tagħmilx sens. Kif ma tagħmilx sens l-idea li l-kummissarju jista’ jkun xi barrani. Għal xi bank ċentrali forsi soluzzjoni hekk taħdem. Imma għall-pulizija?

Naqbel li l-aqwa ħtija għall-problemi fit-tmexxija tal-pulizija jġorruha l-politikanti tal-partiti differenti. Mhux neċessarjament għax riedu li l-ħatra ta’ kummissarju (u ta’ madwaru) fuq kollox tkun ta’ serħan il-moħħ, politikament għalihom. 

  Aktar, ngħid jien, għax ma nsistewx li bħala priorità, t-tmexxija tal-korp tal-pulizija tiġi modernizzata minn fuq sa isfel, u fl-istess ħin, iseħħ investiment qawwi fit-tagħmir u t-taħriġ tal-korp.

PULIZIJA MODERNA

Rari nagħmilha… li nsemmi xi ħaġa li pprovajt nagħmel fl-imgħoddi… Did-darba se nagħmel eċċezzjoni. Daqs wieħed u għoxrin sena ilu, imbuttajt biex jitmexxa eżerċizzju ta’ riforma mill-qiegħ fil-pulizija. Ma kienx maħsub biex jissemma bil-qawwi fl-ewwel paġni tal-gazzetti. 

Konsulenti fil-mod kif titmexxa organizzazzjoni taw ħarsa lejn l-istrutturi tal-korp. Ħarġu bi pjan għal kif setgħu jiġu modernizzati. Iddiskutewhom ma’ ħafna minn dawk involuti fil-pulizija. Fi sħubija magħhom, telqu biex jirriformaw il-mod kif il-pulizija taħdem minn jum għal jum. 

  Dr Joe Brincat ħejja abbozz ta’ liġi ġdida li kellha ssaħħaħ l-operat u l-professjonalità tal-korp. Kellhom jiġu trattati kemm affarijiet tal-aqwa importanza “strateġika”, kemm proċeduri ordinarji ta’ kif isiru l-affarijiet.

Ma konniex se nibdlu d-dinja. Biss, ridt li mmorru lil hinn mill-ideat pjuttost kosmetiċi – bħal li “tħalli” uffiċjali tal-pulizija jistudjaw biex isiru avukati jew it-twaqqif ta’ akkademja tal-pulizija. 

  Kien twettaq abort fuq dak l-eżerċizzju. F’parti kbira, l-problemi tal-lum ġejja ukoll minn hekk.

ŻRABEN KBAR 

Meta nisma’ u naqra dak li persuni ta’ stoffa miċ-ċentru-lemin jgħidu dwar kif timxi l-Ewropa, ma nkunx nista’ nrażżan tbissima.

Jinkwetaw kif l-Unjoni Ewropea donnha ftit konxja tal-problemi tal-immigrazzjoni fiċ-ċentru tal-Mediterran. Kif il-leħen tal-pajjiżi ż-żgħar jinstema’, imma qisu ma jkun tkellem ħadd. Kif jekk jidħlu miżuri ġodda meħtieġa biex tissaħħaħ l-Ewropa, dak li Malta u l-Maltin jkollhom xi jgħidu, bilfors jiddgħajjef.

Bi kliemhom, dawn it-talin qishom qed jiskopru d-dinja. Mentri minn dejjem kienet ħaġa ċara li min jilbes żraben kbar bilfors se jkollu passi akbar minn ta’ ħaddieħor liebes daqsijiet anqas.

Ekonomija

Sport