Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, żar il-kumpanija Tastees Manufacturing Ltd, ġewwa Santa Venera.
Imwaqqfa fl-1969, Tastees Manufacturing Ltd tibqa’ isem magħruf f’kull dar Maltija, l-aktar għall-produzzjoni tas-snack ikoniku Twistees, fost produzzjoni ta’ snacks oħra. Għal aktar minn ħames deċennji, il-kumpanija żammet preżenza qawwija fis-suq lokali filwaqt li kompliet tespandi l-operat tagħha biex tlaħħaq mad-domanda dejjem tikber.

Fl-aħħar snin, bl-assistenza ta’ INDIS Malta, din il-kumpanija żviluppat estensjoni tal-fabbrika eżistenti tagħha. Din l-espansjoni kienet xprunata minn żieda sostanzjali fid-domanda għall-prodotti, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.
Matul l-aħħar ħames snin, il-produzzjoni ta’ din il-kumpanija privata żdiedet b’103%, tkabbir sinifikanti li nkiseb permezz ta’ investiment strateġiku f’makkinarju ġdid u t-tisħiħ tal-operat tal-esportazzjoni.
Rappreżentanti tal-kumpanija spjegaw kif il-modernizzazzjoni tat-tagħmir wassal għal aktar effiċjenza, hekk kif ippermetta li l-kumpanija żżid il-kapaċità tal-produzzjoni filwaqt li jinżammu l-istandards tal-kwalità.
Tastees Manufacturing Ltd ibbenefikat ukoll mill-appoġġ ta’ Malta Enterprise permezz tal-iskema ta’ għajnuna għall-investiment, kif ukoll minn assistenza minn Trade Malta għall-parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali internazzjonali. Dawn l-inizjattivi għenu lill-kumpanija tkompli tespandi l-preżenza tagħha barra minn Malta u tippromwovi prodotti Maltin fis-swieq barranin.
Waqt din iż-żjara t-tmexxija tal-kumpanija esprimiet sodisfazzjon għall-bosta miżuri u inizjattivi li joffri l-Gvern permezz ta’ bosta entitajiet pubbliċi, id-dedikazzjoni u l-professjonalità tal-impjegati u l-fiduċja kontinwa tal-klijenti tagħha.
Il-Prim Ministru faħħar ir-reżiljenza, l-innovazzjoni u l-kontribut tal-kumpanija fis-settur tal-manifattura f’Malta, hekk kif Tastees Manufacturing Ltd tibqa’ eżempju ċar ta’ kif l-industrija lokali tista’ tikber permezz ta’ investiment strateġiku, appoġġ mill-Gvern u forza tax-xogħol dedikata.
Il-Viżjoni Malta 2050, il-pjan strateġiku ta’ pajjiżna għall-ħamsa u għoxrin sena li ġejjin, tidentifika setturi bħal dak tal-manifattura li huma ċentrali għall-kompetittività fit-tul ta’ pajjiżna. Din il-viżjoni ssemmi wkoll l-appoġġ lill-kumpaniji fis-settur tal-manifattura.
Matul iż-żjara, il-Prim Ministru Abela u l-Ministru Schembri daru mal-faċilitajiet u ltaqgħu mal-ħaddiema tal-istess kumpanija.



