Monday, February 9, 2026

Kumpanija Maltija tingħaqad ma’ tnejn oħra biex tkattar sengħa tradizzjonali

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur il-forn tal-Maypole f’Tal-Ħandaq u jinnota l-ħila tal-imprenditur Malti li b’ekonomija b’saħħitha se jibqa’ appoġġjat

Aqra wkoll

Fi żjara li għamel fil-fabbrika tal-Grupp Maypole f’Tal-Ħandaq f’Ħal Qormi, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-investiment konġunt li sar bejn tliet kumpaniji Maltin biex twaqqfet akkademja li torganizza korsijiet professjonali għall-furnara u b’hekk din is-sengħa tradizzjonali anki f’pajjiżna, tibqa’ titkattar.

Fil-fatt Maypole ngħaqdet ma’ Cassar Shipyards u St. James Hospital biex waqqfet l-akkademja EVA u qed tagħti korsijiet wara li ssieħbet mal-Kulleġġ ta’ City of Glasgow biex ġie ċċertifikat il-kors mogħti f’pajjiżna.

Akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa mat-tmexxija tal-Grupp Maypole fejn assigura li b’ekonomija b’saħħitha, pajjiżna jibqa’ jappoġġja l-investiment fosthom dak lokali biex ikompli jiġġenera aktar ġid.

Waqt li kien qed jiltaqa’ mal-ħaddiema, it-tmexxija tal-Maypole spjegat lill-Prim Ministru kif il-Grupp wettaq investiment qawwi billi xtara binja sħiħa li fiha topera l-fabbrika tal-forn tal-Maypole. Investiment ta’ €11-il miljun li miegħu ntefqu wkoll €2 miljun oħra biex is-sular t’isfel tal-binja ġie kkonvertit ħalli jaqdi l-operat.

Maypole għaddejja wkoll b’investiment ta’ €2.5 miljun f’makkinarju ġdid, dan filwaqt li f’dawn l-aħħar seba’ snin, Maypole kompliet tinvesti fil-ftuħ t’aktar ħwienet biex tlaħħaq mad-domanda fis-suq.

Il-Prim Ministru awgura kull suċċess lill-Grupp u nnota r-reżiljenza, il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-imprenditur Malti li b’ħila kompla jespandi u jkattar il-ġid fl-ekonomija Maltija. Qal li ekonomija b’saħħitha li fl-aħħar jiem ġiet anki ċċertifikata mill-Fond Monetarju Internazzjonali bħala waħda li m’għandhiex bżonn sorveljanza ta’ kull sena, issa nistgħu nħarsu ’l quddiem biex inkomplu nagħfsu fuq il-kwalità. Dan fi sfond li pajjiżna issa se jkollu l-Viżjoni Malta 2050 fejn għandna l-lussu li nagħżlu l-investiment li jaqbel lil pajjiżna, allinjat mal-qalbiet diġitali u sostenibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport