Kumpanija li tbigħ il-panelli f’Malta ma nstabitx ħatja li ma pprovditx tali servizz lil klijent wara li dan tal-aħħar fil-Qorti sostna li minkejja li kien ordna dan is-servizz baqa’ b’xejn.
Pierre Caruana talab lill-Qorti biex il-kumpanija ISD tagħtih lura is-somma ta’ €6,500 – il-ħlas tad-depożitu li kien ħallas biex jiġu installati l-panelli fuq il-bejt. Fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, Caruana qal li hu kien ordna l-panelli mingħand l-ISD f’Awwissu tal-2019 għall-prezz ta’ €9,170. Sostna wkoll li kien ħallas €200 għall-applikazzjoni mar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma.
Sabiex dawn il-panelli jiġu installati fir-residenza kien hemm bżonn li jsir xi xogħol ta’ ħadid biex fuqhom tkun tista’ titpoġġa l-frame u anke l-panelli. Caruana sostna li dawn il-panelli ma ġewx installati sakemm infetħet il-kawża minħabba li l-kumpanija ma żammitx mal-obbligi tagħha.
Caruana qal fil-Qorti li f’Ottubru tal-2019 kien kellmu wieħed mill-impjegati biex imur ikejjel il-bejt, iżda min-naħa tiegħu kien infurmah li ma kienx possibbli li jmur id-dar minħabba li kien hemm persuna li kienet għadha ħierġa mill-isptar u ma riedx nies. L-impjegat qallu li kien se jħalli ġimagħtejn u jerġa’ jċempillu. Il-klijent wara xi jiem ċempel lill-impjegat li seta’ jmur ikejjel iżda dan ma bediex iwieġbu. Kien hawn li hu ċempel lill-ISD fejn qalulu li kienu se jinfurmawh huma.
Caruana qal li sfortunatament imbagħad faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19. Jgħid li minn Novembru 2019 sa Frar 2020 m’għamlu xejn ħlief li ħadulu l-flus u li tilef kull fiduċja tiegħu fihom.
Min-naħa tagħha l-kumpanija qalet li huma marru d-dar tiegħu biex jieħdu l-kejl tal-frame li kellu jiġi minn barra minn Malta. Rappreżentat tal-ISD waqt ix-xhieda tiegħu fil-Qorti qal ukoll li peress illi l-bejt ma kienx jiflaħ ħafna piż, ir-rikorrenti kien jeħtieġlu żewġ strutturi: waħda bit-travi sabiex tieħu l-piż hi, u l-oħra l-frame tal-panelli biex tistrieħ fuq it-travi. Qalet li d-depożitu fuq il-panelli jiħduh biss wara li l-applikazzjoni tiġi approvata minn REWS, bħalma għamlu f’dan il-każ.
Qalet li bħala andament ta’ żmien ma tkunx tista’ tikkommetti ruħha mal-klijenti peress li mhux dejjem jittieħed l-istess ammont ta’ żmien sabiex l-applikazzjoni tiġi approvata. Qalet ukoll li l-frame tal-panelli jordnawh minn barra peress li jrid ikun iggalvanizzat wara li jkunu tlestew it-toqob biex ma jibdiex joħroġ is-sadid.
Ir-rappreżentat tal-ISD qal li fi Frar 2020 faqqgħet il-Pandemija tal-COVID-19 u ma setgħux imorru fir-residenza tiegħu biex jinstallawhom minħabba d-direttivi tas-saħħa mogħtija dak iż-żmien. Qalet li f’April tal-2020 kienu għalqu l-uffiċċju u rritornaw lura fid-9 ta’ Mejju tal-2020. Qalet li huma kkuntattjaw lir-rikorrenti mal-ewwel sabiex jagħmlu l-installazzjoni tal-panelli, iżda imbagħad il-klijent ma ridhomx.
Il-Qorti, fis-sentenza tagħha, qalet li l-partijiet qatt ma ftiehmu dwar żmien għall-installazzjoni tal-panelli u b’hekk l-allegat dewmien huwa biss relattiv għal dak li kien qed jippretendi l-klijent. Qalet ukoll li d-dewmien ma kienx dovut biss għall-kumpanija ISD, iżda kif ġie ppreżentat fil-Qorti kien ukoll dovut għall-klijent.
Għalhekk, il-Qorti ċaħdet it-talbiet kollha tal-klijent, iżda ordnat lill-ISD biex f’qasir żmien tinstalla l-panelli fuq il-bejt kif ordnat minn Caruana.