Saturday, December 21, 2024

Kumpaniji b’konnessjonijiet mar-Renju Unit suspettati li kisru s-sanzjonijiet tar-Russja

Aqra wkoll

Il-gvern tar-Renju Unit qed jinvestiga 37 negozju li għandhom xi konnessjoni mar-Renju Unit talli potenzjalment kisru s-sanzjonijiet marbuta maż-żejt imposti fuq ir-Russi. Is-sanzjonijiet fuq ir-Russja ġew introdotti mir-Renju Unit u pajjiżi oħra tal-Punent wara l-invażjoni tal-Ukrajna fl-2022.

Dawn is kienu mfassla biex jingħalqu s-sorsi tal-finanzi għall-magna tal-gwerra tar-Russja u jġibu din l-invażjoni illegali fi tmiemha. Madankollu, il-kritiċi sostnew li s-sanzjonijiet huma ineffettivi wara li l-aħħar ċifri wrew li l-ekonomija Russa kienet qed tikber.

L-identitajiet tan-negozji mhumiex magħrufa iżda huwa mifhum li xi wħud x’aktarx kienu ditti u kumpaniji tal-assigurazzjoni marittima.

Is-sanzjonijiet jinkludu limitu fuq il-prezz taż-żejt Russu, imfassal biex jiżgura li ż-żejt ikun jista’ jibqa’ għaddej mingħajr ma r-Russja tagħmel profitti kbar.

Dejta miksuba mill-BBC permezz tal-liġijiet dwar il-Libertà tal-Informazzjoni turi li t-Teżor fetaħ investigazzjonijiet fuq 52 kumpanija b’konnessjoni mar-Renju Unit suspettati li kisru l-limitu tal-prezz minn Diċembru 2022. Sa Awwissu, 37 minn dawk l-investigazzjonijiet kien għaddejjin u 15 kienu konklużi iżda ma ngħataw l-ebda multi jew penali.

L-organizzazzjoni kontra l-korruzzjoni Global Witness, sostniet li kien “pjuttost tal-għaġeb” li għadhom ma ngħataw l-ebda multi. Saħansitra l-kap tal-investigazzjonijiet tal-fjuwils fossili f’Global Witness, sejjaħ biex tittieħed azzjoni kuraġġuża kontra l-kumpaniji li jiksru s-sanzjonijiet.

L-organiżazzjoni sostniet li jekk il-gvern tar-Renju Unit jipprevjeni lin-negozji Brittaniċi milli jippermettu l-profitt ta’ Putin, allura jista jkun hemm pajjiżi oħra li jagħmlu l-istess.

Investigazzjonijiet dwar ksur potenzjali tal-limitu taż-żejt u sanzjonijiet finanzjarji oħra jitwettqu minn taqsima tat-Teżor imsejjħa Uffiċċju tal-Implimentazzjoni tas-Sanzjonijiet Finanzjarji (OFSI). L-OFSI rċeviet £50 miljun aktar ta’ finanzjament f’Marzu biex itejjeb l-infurzar tar-reġim ta’ sanzjonijiet tar-Renju Unit.

Iżda Global Weitness tgħid li huwa pjuttost faċli għall-kumpaniji taħt investigazzjoni li jsibu” dokument li joħroġhom mill-inkwiet.

L-Istati Uniti kienu riluttanti li jagħmlu r-reġimi tas-sanzjonijiet tal-Punent aktar diffiċli għax qed jibżgħu li jekk jinfurzaw ir-regoli se jwaqqfu l-kummerċ taż-żejt Russu u dan iwassal għal prezzijiet ogħla taż-żejt.

Il-limitu impost kien qed inaqqas id-dħul mit-taxxa tar-Russja miż-żejt, tant li d-dejta mill-ministeru tal-finanzi tal-pajjiż stess uriet tnaqqis ta’ 30% is-sena li għaddiet meta mqabbla mal-2022.

Xi parlamentari qalu li hemm evidenza li l-limitu tal-prezz taż-żejt qed jiġi evitat billi r-raffinar taż-żejt Russu qed isir f’raffineriji bbażati f’pajjiżi terzi u mbagħad iż-żejt qed jiġi esportat lejn ir-Renju Unit.

L-OFSI ħarġet l-ewwel penali tagħha relatata mar-Russja x-xahar li għadda, meta mmultat kumpanija £15,000 talli kellha individwu sanzjonat fil-lista tal-klijenti tagħha.

Id-ditta Integral Concierge Services ibbażata f’Londra nstabet li għamlet jew irċeviet 26 ħlas li kienu jinvolvu persuna li l-assi tagħha ġew iffriżati bħala parti mis-sanzjonijiet fuq ir-Russja.

Ekonomija

Sport