Wednesday, November 12, 2025

KUMPANIJI TAL-AJRU

Aqra wkoll

Veru li l-kumpaniji tal-ajru hekk imsejjħa “low cost” irnexxielhom joħolqu suq turistiku enormi li pprovda lil miljuni ta’ ċittadini biċ-ċans li jivvjaġġaw għax il-vjaġġi saru ta’ prezz li familja tista’ tlaħħaq magħhom għal safar ta’ darba, darbtejn fis-sena. Il-mudell li żviluppaw il-kumpaniji ppermetta li dan jiġri mingħajr l-ebda dannu għas-sigurtà tal-ivvjaġar u xorta ħallihom jagħmlu profitti qawwija.

Tahom ukoll dominanza liema bħalha fis-suq tal-vjaġġi. Qed jabbużaw minnha. Fost miżuri oħra, billi jibdlu l-mod kif isiru l-ħlasijiet għas-servizzi li joffru dwar – bagalji li jiddaħħlu fuq ajruplan – possibiltà biex tabbordja qabel ħaddieħor– kif tista’ tagħmel check-in… Il-bidliet jitpoġġew fil-kundizzjonijiet mehmuża mal-biljetti li wieħed jixtri… li kważi ħadd ma jaqra. U la ma tkunx segwejt il-kundizzjonijiet ikollok terġa’ tħallas…

Fil-Parlament Ewropew dawn il-prattiċi tan-negozju dubjużi u oħrajn simili kienu tqajmu. Ġieli reġgħu issemmew. Hemm baqgħu. Dejjem hekk jiġri meta grupp ekonomiku, soċjali jew kulturali jakkwista dominanza fis-settur tiegħu.

“INKWIET” FIL-PARLAMENT

Kien pjuttost komiku l-plejtu li tqajjem dwar l-“istorbju” li seħħ fil-Parlament Malti waqt l-aħħar dibattiti fuq il-budget. Ħdejn l-istorbji tal-imgħoddi mqajma fi żmienhom minn Oppożizzjonijiet Laburisti u Nazzjonalisti, dak ta’ did-darba kien pjuttost najxu. Aktar u aktar għax kien ftit imġebbed (niftakar żminijiet meta l-kap ta’ gvern Nazzjonalista qabeż sew il-ħin li fih kellu jitkellem… ) Kemm dak iż-żmien u kemm illum, ma naħsibx li l-ħin extra “misruq” kien ta’ xi siwi. X’aktarx li bil-maqlub…

Naħseb li lill-Parlament jiswielu meta fih tqum xi wirja teatrali bejn gvern u oppożizzjoni. L-istituzzjoni saret titqies b’indifferenza qawwija miċ-ċittadini. Ftit isegwuha. Li mhux sew għax il-parlamentari qed iwettqu xogħol siewi. Li (f’ċerti limiti!) jqumu t-tempesti fil-Parlament mhijiex ħaġa daqstant ħażina jekk iqanqlu lejh l-interess tal-poplu.

IT-TISĦIN TAL-KLIMA

Għad ma daħlitx f’pajjiżna kuxjenza qawwija biżżejjed dwar it-theddida li t-tisħin tal-klima jpoġġi fuqna l-Maltin… jew fuq dawk li jiġu warajna. Għadna nqisu wisq il-kwistjoni bħala waħda importanti, iva, imma mbiegħda minna għax taffettwa l-aktar lil ħaddieħor. Ma nħossu l-ebda dwejjaq meta nazzjonijiet oħra jpoġġu saram fuq riformi meħtieġa biex jikkontrollaw it-tisħin, qisu li dan se jaffettwa ħażin inħawi mbiegħda… bħat-Tajlandja, l-Vjetnam u r-Republika Dominikana… Ma naraw l-ebda rabta bejn pajjiżna u n-nirien u għargħar li jseħħu b’mod selvaġġ f’pajjiżi qrib tal-Mediterran.

Imma ma nistgħux nibqgħu nqisu l-kwistjoni tat-tisħin tal-klima bħala waħda akkademika. Għandna bżonn narawha bħala kwistjoni li se taffettwa bil-qawwi żoni sħaħ tal-gżejjer tagħna… jekk mhux it-territorju kollu… b’mod li anke jagħmel it-territorju inabitabbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport