Tuesday, May 14, 2024

Kumpens ta’ €4,000 lill-impjegata bi tmien xhur tqala li tkeċċiet b’mod inġust mix-xogħol

Aqra wkoll

Sid ta’ restorant intalab jagħti kumpens ta’ €4,000 lil waħda mill-ħaddiema tiegħu li tkeċċiet mix-xogħol meta kellha tmien xhur tqala.

Il-waitress, Manuela Mitovska, fetħet kawża kontra s-sid tar-restorant Horizon, Bernard Zammit. It-Tribunal Industrijali kkonkluda li s-sid wettaq att inġust fil-konfront tal-impjegata.

Mitovska kienet ilha taħdem fir-restorant tas-Sur Zammit għal perjodu ta’ sena u ħames xhur, sakemm imbagħad tkeċċiet f’Diċembru tal-2019.

Iben is-sid tar-restorant, Jason Zammit, meta deher quddiem it-Tribunal Industrijali ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih — li keċċa impjegata għax kienet qed tistenna tarbija. Barra minn hekk, huwa ddefenda dan l-aġir billi spjega kif il-waitress ma kinitx tittrattahom sew il-klijenti u li kellha mġiba ħażina.

Il-ħaddiema, meta ġiet mitluba tagħti l-verżjoni tagħha, ċaħdet dak li qal is-Sur Jason Zammit u sostniet li hi dejjem għamlet xogħolha sew. Hija kompliet tgħid li qatt ma ġiet avvaċinata dwar l-imġiba tagħha.

It-Tribunal Industrijali, presedut minn Edmund Tabone, sema’ x’kellhom xi jgħidu ż-żewġ individwi inkwistjoni, u l-verdett inqata’ favur l-impjegata. Dan hekk kif skont Tabone, ma kien hemm xejn x’juri li l-impjegata esprimiet ix-xewqa li titlaq mill-impjieg.

It-Tribunal Industrijali saħaq li sabiex tkeċċija minn impjieg tkun meqjusa aċċettabbli, irid ikun hemm raġunijiet serji u gravi għal dan, u li dawn l-elementi ma rriżultawx f’dan il-każ.

Sport