Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
L-imħabba tiegħi lejn l-atletika bdiet waqt il-perjodu tal-Covid-19. Bdejt jinteressani l-isport tal- obstacle course races u malajr irrealizajt illi kelli bżonn ħafna ġiri, xi ħaġa li qatt ma kont nagħmel qabel. Fil-bidu l-għan tiegħi kien biss li nkun nista’ nlesti tellieqa lokali, iżda ma damx ma żviluppa f’passjoni vera. Minn hemmhekk bdejt niskopri l-potenzjal tiegħi u l-isport sar parti essenzjali minn ħajti.
X’suċċessi maġġuri rnexxielek tikseb sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Fil-karriera relattiva li s’issa kelli, jiena ksibt riżultati li qatt ma kont nimmaġina. Irbaħt l-ewwel post fid-distanza tal-10km Trail fil-kompetizzjonijiet Xterra Snowdonia u wkoll Xterra Għawdex u ksibt it-tielet post fid-distanza 21km fil-kompetizzjoni UTMB ġewwa Istria. Filwaqt illi ksibt diversi rebħiet, dawn it-tliet i tlielaq jibqgħu l-aktar għal qalbi għax naf kemm kelli nissielet biex nikseb ir-riżultat mixtieq. Fis-sena 2023 ġejt it-tielet post fl-Agones Trail Series u fis-sena 2024 irbaħt ir-Road Running Series tal-Hudson fid-distanza tat-10KM.
Il-Personal Best tiegħi bħalissa huma:
• 5K – 15:39
• 10K – 33:15
• Half Marathon – 1:11:31
• Marathon – 2:41:02
Imma l-akbar kisba tiegħi tibqa’ l-konsistenza. Mill-Milied tal-2022 ddeċidejt li ma nitlifx ġurnata waħda ta’ taħriġ. Dan għamiltu kemm jekk kont għajjien, marid, taħt pressjoni tax-xogħol jew f’burdata ħażina. Din id-dixxiplina u dan l-impenn li wassluni fejn sissa wasalt u jien dan inqisu bħala l-akbar suċċess tiegħi.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-atletika f’Malta huwa tajjeb ħafna u qed juri riżultati pożittivi. Għandna atleti b’talent u b’potenzjal kbir. Imma wieħed irid jirrikonoxxi li għal ħafna minna, inkluż jien, l-isport jibqa’ passjoni parzjali minħabba l-impenn tax-xogħol. Meta tikkumpara ma’ pajjiżi fejn l-atleti jgħixu għall-isport, dan jagħmilna ftit f’diżvantaġġ kompetittiv. Minkejja dan, il-passjoni u l-grinta tal-atleti lokali huma impressjonanti.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Hemm titjib kontinwu u aktar opportunitajiet minn qabel. Naturalment nistgħu nagħmlu aktar, speċjalment f’termini ta’ faċilitajiet u appoġġ għal min jixtieq jilħaq livell għoli. Iżda bit-talent u l-ispirtu lokali, aħna dejjem insibu soluzzjonijiet u nibqgħu nimxu ’l quddiem.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Qed inħares lejn il-futur b’entużjażmu. Nixtieq inkompli u nkun l-aħjar verżjoni tiegħi. It-triq hija twila, imma jien determinat li nagħmel pass ’il quddiem kuljum.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Is-suċċess ma jiġix mill-lum għal għada. Kun konsistenti, żomm id-dixxiplina u qatt taqta’ qalbek. Ibda mil-lum, u tieqaf qatt!

