Tuesday, December 24, 2024

Kunċert b’uħud mill-aqwa organisti li għandna f’pajiżna

Aqra wkoll

Għaddew 100 sena minn mindu wasal l-ewwel orgni magħmul mill-familja rinomata Mascioni għal Malta. Dan kien wasal fil-parroċċa ta’ Ħal Safi f’April tal-1924 u minn hemm diversi parroċċi f’pajjiżna, inkluż il-Kon Katidral ta’ San Ġwann, li ordnaw orgnijiet mill-istess familja Taljana.

F’għeluq dan l-anniversarju se jittelgħu numru ta’ attivitajiet kulturali, ewlieni fosthom ikun kunċert li se jittella’ nhar il-Ġimgħa 12 ta’ April fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Safi bis-sehem tal-organisti Sylvana Camilleri, Paul Portelli, Joe Caruana u Mark Vassallo. Permezz tas-siltiet magħżula wieħed se jkun jista’ japprezza aktar il-versatilità ta’ dan l-istrument, waqt li jammira t-talent ta’ wħud minn l-aqwa organisti li għandna f’pajjiżna. Ma’ dawn l-organisti se jingħaqdu l-Kor Sine Macula kif ukoll solist mill-Banda San Pawl ta’ Ħal Safi.

Koperazzjoni kulurali li tmur lura ħafna snin…

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li, “l-istrument tal-orgni fil-knejjes huwa aspett distintiv tal-wirt kulturali reliġjuż tagħna bħala pajjiż u għalhekk qegħdin jittellgħu dawn l-attivitajiet li jimmarkaw l-għeluq taċ-ċentinarju mill-wasla tal-ewwel orgni magħmul mill-familja Mascioni f’pajjiżna. Dan l- avveniment jitfa’ dawl ukoll dwar ir-rabta bejn pajjiżna u l-Italja fejn tidħol il-koperazzjoni kulturali li tmur lura ħafna snin.”

Is-Sindku ta’ Ħal Safi Johann Mula qal li, “bħala kunsill lokali huwa d-dover tagħna li mhux biss nippreservaw imma wkoll nippromwovu bl-aħjar mod possibbli l-patrimonju kulturali u storiku tar-raħal tagħna. Għaldaqstant, meta ġejna avviċinati b’din l-inizjattiva, rajna li nagħtuha l-importanza meħtieġa, fejn anke inkludejna dan il-kunċert mużikali bħala parti mill-programm ta’ ċelebrazzjonijiet ta’ Jum Ħal Safi.”

Intuża għall-ewwel darba f’Ħadd fuq l-Għid il-Kbir

Kien il-Kappillan Giovanni Battista Ghigo fl-1923 li ordna l-orgni preżenti, li tħallas mill-benefattur Michelanġ Busuttil. L‐orgni kellu jkun magħmul minn tastiera ta’ 56 nota u pedaliera ta’ 27, wasal f’Malta f’April tal‐1924 biex jintuża l-Ħadd fuq l‐Għid il‐Kbir fis‐27 ta’ April 1924. F’Jannar tal‐1962, wara ftehim mad‐ditta Mascioni twaħħal mutur jaħdem bl‐elettriku ħalli jħaddem il‐manfaħ tal‐orgni. Matul iż‐żmien l‐orgni sarulu żewġ interventi ta’ restawr wieħed fi snin sittin minn Dun Mikiel D’Amato u l‐ieħor fl‐2004 minn Robert Buhagiar.

Waqt dan il-kunċert, li qiegħed isir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali, kif ukoll mar-Reġjun Punent, se jkun hemm ukoll interventi storiċi u preżentazzjoni viżiva. Id-dħul għall-kunċert huwa bla ħlas.

Ekonomija

Sport