Madwar id-dinja qed jiġi ċċelebrat il-200 anniversarju mit-twelid tal-kompożitur Vjenniż Johann Strauss II (1825–1899), magħruf mad-dinja kollha bħala “Ir-Re tal-Valzi.” Biex timmarka dan l-anniversarju, il-Banda Santa Margerita ta’ Sannat ser tippreżenta “Strauss 200”, kunċert ċelebrattiv iddedikat lill-eleganza, is-seħer u l-enerġija mużikali li jiddistingwu l-aktar xogħlijiet magħrufa ta’ Strauss. Dan il-kunċert ser jittella’ nhar is-Sibt 29 ta’ Novembru 2025 fis-7.30pm ġewwa l-Grand Ballroom tal-Grand Hotel, l-Imġarr Għawdex.
Taħt id-direzzjoni ta’ Mro George Apap, il-banda ser tesegwixxi arranġamenti għall-banda ta’ kompożizzjonijiet ikoniċi bħal: The Blue Danube, Tales from the Vienna Woods, Vienna Blood, u Emperor Waltz, fost l-oħrajn. Dawn ix-xogħlijiet, magħrufa għall-importanza storika u mużikali tagħhom, jirrappreżentaw il-kobor ta’ dan il-kompożitur fejn jidħlu valzi, polkas u operetti Vjenniżi.
Dan il-kunċert ser ikun qed jittella’ bil-sapport ta’: Social Causes Fund; il-Kunsill Lokali Ta’ Sannat, u Pegasus Laboratory Services.
Id-dħul għal dan il-kunċert huwa bla ħlas. Madankollu, il-mistednin huma mħeġġa jibbukkjaw posthom billi jibagħtu email fuq [email protected].
Għal aktar informazzjoni, żur il-paġna uffiċjali tas-Soċjetà Mużikali Santa Margerita fuq Facebook jew ċempel fuq 9925 8635.

